Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

03/02/2026 | Press release | Distributed by Public on 03/03/2026 11:29

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Approvati b’mod unanimu mill-Parlament l-emendi legali ser iwasslu għal random roadside drug testing

•⁠ ⁠Priġunerija effettiva għal dawk misjuba ħatja li qatlu persuna, anke b'mod involontarju, għax saqu taħt l-effett tal-alkoħol jew tad-droga
Għaddew mill-Parlament b'mod unanimu mill-istadju tat-tielet qari, emendi legali li ser iwasslu biex il-Pulizija jkunu jistgħu jibdew jagħmlu għall-ewwel darba random roadside drug testing mingħajr suspett raġonevoli jew ordni tal-Qorti, bl-għan li tkompli tissaħħaħ is-sigurtà u l-ordni fit-toroq u jiġu protetti kemm jista' jkun ċittadini onesti u responsabbli. Dan b'mod simili li jsiru testijiet tal-alkoħol.
Dan wara ħidma li saret fl-aħħar xhur mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol flimkien mal-Korp tal-Pulizija li anke xtraw testijiet apposta. Ħidma li inkludiet it-tfassil ta' emendi legali li issa ġew approvati fi stadju tat-tielet qari fil-Parlament.
Emendi li ser ifissru wkoll:

•⁠ ⁠Sentenza ta' priġunerija effettiva għal min jinstab ħati li qatel persuna, għaliex saq taħt l-effett tal-alkoħol jew tad-droga, jew it-tnejn, anke jekk b'mod involontarju. Tneħħiet il-possibbiltà ta' sentenza sospiża.
•⁠ ⁠Jissaħħu l-pieni għal min isuq xurban jew taħt l-effett tad-droga.
•⁠ Jissaħħu l-liġijiet għal min isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol, tad-droga jew tat-tnejn u jikkawża inċident li jwassal għal ġrieħi gravi ħafna jew ġrieħi gravi.
•⁠ ⁠Il-Prosekuzzjoni tista' titlob li l-liċenzja tas-sewqan tkun sospiża meta l-proċeduri jkunu pendenti
•⁠ ⁠Agravju fil-Kodiċi Kriminali, f'każ ta' hit and run, veloċità eċċessiva, jew vettura li tkun qegħda tinstaq mingħajr liċenzja tas-sewqan jew polza tal-assikurazzjoni, li jwassal biex il-piena tiżdied minn żewġ gradi sa tlieta.
•⁠ ⁠Ġie introdott reat ġdid għal min jipproduċi jew iqassam materjal li juri persuni jiksru l-liġijiet tat-traffiku. Dan japplika għal kontenut li jinnormalizza s-sewqan perikoluż jew iħeġġeġ lil oħrajn jagħmlu l-istess. Min jinstab ħati jista' jeħel multa ta' €1,200 jew sa sena ħabs, iżda l-multa tista' tinżel għal €250 jekk tingħata informazzjoni li tidentifika lill-persuni involuti.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri tenna li huwa b'dan il-mod li nassiguraw aktar ordni f'pajjiżna. Spjega li dawn l-emendi, isegwu l-introduzzjoni għall-ewwel darba ta' Road Policing Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Fisser dawn l-emendi bħala għodda ta' infurzar aktar b'saħħtu li għandu jkun anke ta' deterrent biex is-sewwieqa jkunu aktar konxji tal-għażliet li jagħmlu u ta' għemilhom.
"Il-messaġġ tal-lum hu ċar. Tilgħabx bil-ħajja ta' ħaddieħor, għax teħilha. Jekk xrobt, issuqx. Jekk ikkunsmajt id-droga, li diġà huwa ħażin, tal-inqas għaraf li m'għandekx tipperikola wkoll ħajjet ħaddieħor. Għalhekk qed nippromwovu sewqan b'mod għaqli, b'mod li permezz tiegħu tasal tajjeb int u ma tipperikola lil ħadd. Din hi riforma oħra fl-interess tas-soċjetà." Il-Ministru Byron Camilleri rringrazzja lill-Membri Parlamentari li taw il-kontribut tagħhom matul il-proċess Parlamentari.

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on March 02, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on March 03, 2026 at 17:30 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]