Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

04/20/2026 | Press release | Distributed by Public on 04/21/2026 09:33

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru Borg jingħaqad mal-Ministri tal-Affarijiet[...]


Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg ħa sehem f'laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-Prim Ministru tal-Libanu Nawaf Salam, fejn tenna l-appoġġ ta' Malta lejn il-gvern u l-poplu Libaniż fl-isforzi tagħhom biex jibnu stabbiltà u sigurtà, minkejja li jinsabu involuti f'kunflitt li ma kienux huma li bdewh.

Id-diskussjoni bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE u l-Prim Ministru tal-Libanu saret waqt il-laqgħa t'April tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE, it-Tlieta filgħodu, fil-Lussemburgu.

Filwaqt li laqa' b'sodisfazzjon il-waqfien temporanju mill-ġlied u n-negozjati li għaddejjin bejn Iżrael, il-Libanu u l-Istati Uniti, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Malti wissa li "t-tbatijiet fuq ċivili innoċenti huma inaċċettabbli, hekk kif iċ-ċiklu ta' vjolenza ta' dan l-aħħar qed ipoġġi f'riskju l-progress fraġli li għamel il-Libanu f'dawn l-aħħar xhur, speċjalment fir-riformi li tant jeħtieġ."

Malta qed tkompli tappoġġja l-proċess biex terġa' tiġi rrestawrata l-awtorità sħiħa tal-Istat fil-Libanu, inkluż id-diżarm tal-Hezbollah u l-konsolidazzjoni tal-monopolju tal-Istat fuq l-użu tal-forza, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 1701 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda (UNSCR 1701).

"Nisħqu dwar l-importanza ta' djalogu sinifikattiv bħala pass meħtieġ biex is-sitwazzjoni ma tibqax teskala," sostna Dr Borg, filwaqt li żied li "l-għażliet li se jsiru fiż-żmien li ġej se jiddeterminaw id-direzzjoni ta' din il-kriżi u s-sigurtà u l-istabbiltà tar-reġjun sħiħ."​


Huwa enfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurezza u s-sigurtà tal-forzi taż-żamma tal-paċi, u esprima solidarjetà mal-UNIFIL, wara l-attakk fatali riċenti fin-Nofsinhar tal-Libanu.

Il-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE tat-Tlieta ddiskutiet ukoll il-gwerra fl-Iran u l-aħħar żviluppi fl-Ukrajna, bil-parteċipazzjoni tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren Andrii Sybiha.

Hekk kif enfasizza l-ħtieġa li tkompli tiżdied il-pressjoni fuq ir-Russja biex ittemm il-gwerra ta' aggressjoni tagħha, Dr Borg appella għal soluzzjonijiet rapidi biex jitneħħew l-ostakli għall-inizjattivi tal-UE b'appoġġ għall-Ukrajna u l-poplu tagħha, inkluż il-Ukraine Support Loan, kif ukoll il-proċess ta' tkabbir tal-Unjoni. Huwa faħħar ukoll l-għajnuna tal-UE kontra theddid ċibernetiku u ibridu, biex jiġu mħarsa l-proċessi demokratiċi tal-Ukrajna u tiġi żgurata s-sigurtà dejjiema.

Fil-kummenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Istrett ta' Hormuz, id-Deputat Prim Ministru Malti appella għal iżjed impenn diplomatiku biex tiġi mħarsa s-sigurtà marittima u l-libertà tan-navigazzjoni.

"Nilqgħu d-deċiżjoni tal-imsieħba tagħna fil-Golf, li għażlu reazzjoni multilaterali bilanċjata minflok azzjoni unilaterali bbażata fuq il-forza," hu qal, hekk kif spjega li "permezz tal-appoġġ tagħha lir-Riżoluzzjoni 2817 tal-Kunsill tas-Sigurtà (UNSCR 2817), lid-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u lir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġinevra, Malta kompliet issostni d-determinazzjoni soda tagħna li nappoġġjaw lill-pajjiżi tal-Golf quddiem l-attakki indiskriminati fuq iċ-ċivili, l-infrastruttura u l-ekonomiji tagħhom."


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on April 20, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on April 21, 2026 at 15:33 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]