06/18/2026 | Press release | Distributed by Public on 06/19/2026 01:52
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-iskema Work Trial Scheme for Youths. Din l-iskema għandha l-għan li tintroduċi liż-żgħażagħ u lill-istudenti fid-dinja tax-xogħol, filwaqt li tgħinhom jagħmlu għażliet aktar infurmati dwar il-karriera tagħhom, billi tippermettilhom jiksbu esperjenza siewja ma' entitajiet privati u organizzazzjonijiet mhux governattivi matul is-sajf.
Il-Ministru Camilleri spjega li "b'din l-iskema qed inkomplu ninvestu fiż-żgħażagħ Għawdxin billi nagħtuhom opportunità konkreta biex jiksbu esperjenza fid-dinja tax-xogħol qabel ma jagħmlu l-għażliet importanti tal-karriera tagħhom. Il-Work Trial Scheme for Youths mhux biss tgħin liż-żgħażagħ jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom iżda, tagħtihom ukoll ċans jifhmu aħjar l-aspettattivi u r-realtajiet tad-dinja tax-xogħol. Il-fatt li din l-iskema ilha titħaddem mill-2018 u tkompli titjieb minn sena għall-oħra juri l-impenn tagħna li noffru opportunitajiet ta' kwalità li jħejju lill-ġenerazzjoni żagħżugħa għall-futur."
Permezz ta' din l-iskema, il-parteċipanti se jirċievu allowance ta' €120 fil-ġimgħa, sa massimu ta' €600 fuq perjodu ta' ħames ġimgħat.
Kriterji ta' Eliġibbiltà:
• Persuni li qed ifittxu x-xogħol: Kull min għandu bejn is-16 u l-20 sena u qed ifittex impjieg jista' japplika. Il-parteċipant huwa eliġibbli jekk ikun għalaq is-16-il sena u ma jkunx għalaq il-21 sena sal-31 ta' Lulju 2026.
• Studenti full-time: Studenti bejn is-16 u l-25 sena li qed jattendu istituzzjoni edukattiva fuq bażi full-time (bħal Skola Sekondarja, MCAST, ITS, Junior College jew l-Università) huma eliġibbli biex jipparteċipaw.
• Studenti ta' 15-il sena: Studenti ta' 15-il sena li jagħlqu 16-il sena sal-31 ta' Diċembru 2026, u li jkunu temmew il-Form 5 (Year 11), huma wkoll eliġibbli biex japplikaw, sakemm jissottomettu ċertifikat validu tal-ħruġ mill-iskola (School Leaving Certificate) mal-applikazzjoni tagħhom.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li din l-iskema hija investiment dirett fiż-żgħażagħ Għawdxin, li permezz tagħha qed jingħataw l-opportunità jiksbu esperjenza prattika, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jħejju ruħhom aħjar għall-futur.
L-iskema se tiftaħ uffiċjalment nhar it-Tnejn, 3 ta' Awwissu 2026, u tibqa' miftuħa sal-Ġimgħa, 4 ta' Settembru 2026. Kull min hu interessat jista' jissottometti l-applikazzjoni online permezz tas-sit https://www.gozo.gov.mt jew minn fuq l-app ta mygozo mit-Tnejn, 22 ta' Ġunju, sal-Ġimgħa, 3 ta' Lulju, sa nofsinhar.