L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta' Malta, tirringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi għas-solidarjetà u l-ġenerożità murija waqt il-ġabra ta' L-Istrina 2025.
Matul 12-il siegħa maratona l-għada tal-Milied, inġabru iktar minn €5.7 miljun, li se jassistu lill-Malta Community Chest Fund fil-ħidma tagħha biex tkompli tgħin lil dawk li jsibu ruħhom f'sitwazzjonijiet li jirrikjedu l-għajnuna.
F'messaġġ lill-poplu, il-President iddikjarat li bir-raġun għandha fiduċja fil-poplu Malti u Għawdxi, għax din is-sena wkoll wera li qiegħed hemm u lest biex jgħin f'kull sejħa għall-għajnuna.
Il-President irringrazzjat ukoll lill-mijiet ta' ħaddiema u voluntiera, li matul is-sena kollha ħadmu biex ittellgħu diversi attivitajiet, kif ukoll biex l-edizzjoni ta' din is-sena ta' L-Istrina setgħet tkun suċċess.