04/12/2026 | Press release | Distributed by Public on 04/13/2026 07:30
F'pass konkret lejn soċjetà Maltija u Għawdxija aktar preparata u sigura, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, ħabbar inizjattiva nazzjonali li permezz tagħha kull familja f'Malta u Għawdex ser tirċievi manwal ta' emerġenza u fire blanket.
Din l-inizjattiva tpoġġi l-prevenzjoni fil-qalba tas-sigurtà nazzjonali u tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jinvesti fil-familji Maltin u Għawdxin, billi jipprovdilhom l-għodod meħtieġa sabiex ikunu aktar infurmati, preparati u lesti jaffaċċjaw sitwazzjonijiet ta' emerġenza.
Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Camilleri saħaq fuq il-bidla fil-mentalità fil-qasam tas-sigurtà, fejn iċ-ċittadini huma fil-qalba tal-politika nazzjonali: "Ċittadini infurmati, preparati u siguri. Dawn l-erba' kelmiet jiġbru l-għan ta' dak li qed inħabbru llum." Huwa tenna li l-Gvern jemmen fil-prevenzjoni: "Il-Malti jgħid bniedem avżat nofsu armat. Aħna qeghdin mhux biss navżaw iżda wkoll noffru l-għodda għall-prevenzjoni. Aħna nemmnu fil-prevenzjoni għax inċident evitat dejjem aħjar minn inċident solvut. Illum mhux biss qed nagħmlu appell, iżda qed nagħtu wkoll l-għodda lil kull familja biex tkun aktar preparata."
Il-Ministru spjega li matul l-aħħar xhur saru investimenti sostanzjali fis-settur tas-sigurtà u l-emerġenza li jkopru s-servizz tal-112, il-Protezzjoni Ċivili, il-Korp tal-Pulizija, il-Forzi Armati ta' Malta u anke s-servizz tas-saħħa, sabiex il-pajjiż ikun aktar lest għal kull tip ta' emerġenza.
Il-manwal ta' emerġenza huwa gwida prattika li tinkludi informazzjoni dwar il-prevenzjoni tan-nirien, l-ewwel għajnuna u kif wieħed għandu jaġixxi f'każ ta' emerġenzi, inklużi dawk naturali. Fl-istess waqt, kull familja se tirċievi fire blanket bħala strument essenzjali għas-sigurtà fid-dar.
Sabiex jiġi żgurat tqassim effiċjenti, ser jitħaddem programm mifrux fuq il-lokalitajiet kollha, fejn fire engines tal-Protezzjoni Ċivili ser ikunu preżenti sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġbru l-fire blanket tagħhom, filwaqt li l-fire stations ser jinfetħu f'ħinijiet dedikati għall-pubbliku.
Il-proġett sar b'kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u entitajiet oħra, inkluż il-Korp tal-Pulizija u s-settur tas-saħħa. Il-Gvern saħaq li din il-kollaborazzjoni hija kruċjali biex tissaħħaħ ir-reżiljenza nazzjonali u l-kapaċità ta' rispons f'waqtu u effettiv. Fil-ġimgħat li ġejjin se jibqgħu jiġu mħabbra investimenti ġodda fil-qasam tal-protezzjoni ċivili kif ukoll titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, għal riżultati dejjem aħjar.
Huwa temm billi saħaq li s-sigurtà hija sħubija bejn l-istat u ċ-ċittadini, u appella għal aktar għarfien u parteċipazzjoni attiva. "Il-prevenzjoni hija kruċjali biex ikollna Malta iktar sigura u preparata," qal il-Ministru, filwaqt li enfasizza li ċittadini infurmati u involuti huma l-pedament ta' pajjiż reżiljenti.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro spjega li: "Il-ktieb li ser tirċievu huwa mmirat li jkun prattiku, ċar u faċli biex jintuża. Huwa hemm biex jgħinek tifhem x'teħtieġ tagħmel qabel, matul u wara tipi differenti ta' emerġenzi, sabiex tkun tista' tipproteġi lilek innifsek, lill-familja tiegħek u lil dawk ta' madwarek. Fih qed nintroduċu wkoll il-kunċett ta' emergency bag - borża ħafifa għall-emerġenzi li tista' tinżamm lesta ħdejn il-bieb. Din tista' tinkludi oġġetti essenzjali li jista' jkollok bżonn jekk ikollok toħroġ mid-dar malajr, bħalma huma mediċini bażiċi, torch, ilma, dokumenti importanti u affarijiet oħra meħtieġa għall-familja tiegħek."
"Il-Protezzjoni Ċivili ma tibdiex fil-kamra tal-kontroll meta ċċempel 112 jew fl-istazzjonijiet tagħna. Il-Protezzjoni Ċivili tibda fid-dar tiegħek - bid-deċiżjonijiet tiegħek u bil-preparazzjoni tiegħek. Il-Protezzjoni Ċivili tibda bik," temm jgħid is-Sur Coleiro.