Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

03/02/2026 | Press release | Distributed by Public on 03/03/2026 04:36

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Iffukati li nibqgħu nagħtu stabbiltà f’Malta sigura li tibqa’ bi prijorità ewlenija li televa l-kwalità tal-ħajja tal-familji –[...]

F'laqgħa dwar l-aħħar żviluppi internazzjonali, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li bħala pajjiż se nibqgħu mixjin 'il quddiem nimplimentaw il-ħidma tal-Gvern fejn nagħtu stabbiltà, ċertezza u serħan il-moħħ iżda ffukati wkoll fuq pjan ta' kontinġenza biex inkomplu nipproteġu l-familji.​​

F'laqgħa fil-Berġa ta' Kastilja li fiha saru aġġornamenti fosthom mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li pajjiżna huwa sigur u bħala Gvern għandna l-esperjenza li sfida internazzjonali ndawruha f'opportunità. Qal li l-fatt li pajjiżna huwa newtrali u ma għandux bażijiet militari, is-sigurtà tagħna tibqa' kruċjali biex nibqgħu nattiraw l-investituri u t-turisti.

Dr Abela spjega li s-sitwazzjoni tibqa' tiġi evalwata siegħa b'siegħa iżda l-għan ewlieni għandu jibqa' li nkomplu nelevaw il-kwalità tal-ħajja tal-familji u nimplimentaw il-Viżjoni Malta 2050. Saħaq li l-prijoritajiet ta' pajjiżna jibqgħu l-istess imma ffukati biex nibqgħu t-tarka tal-familji u n-negozji fi żmien ta' sfidi ġeo-politiċi madwarna.

Fil-laqgħa intervjenew ukoll il-Ministri Silvio Schembri, Byron Camilleri, Miriam Dalli u Clyde Caruana, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, is-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Mark Mallia.

Intqal kif issa, l-aħħar informazzjoni qed turi li 215-il persuna talbu l-assistenza tad-Direttorat Konsolari ta' pajjiżna, b'169 minnhom jinsabu fl-Emirati Għarab Magħquda. Il-bqija tal-persuni, ħafna minnhom jinsabu fil-Qatar, pajjiż ieħor milqut mill-gwerra fil-Golf Għarbi u l-Lvant Nofsani. Ingħataw dettalji wkoll ta' pjanijiet ta' evakwazzjoni ta' ċittadini Maltin hekk kif jinfetaħ l-ispazju tal-ajru f'dawn il-pajjiżi.

Id-diskussjoni saret ukoll marbuta mal-pjanijiet tal-Gvern dwar impatti ekonomiċi u ntqal kif fis-settur tal-enerġija u l-fjuwils pajjiżna għandu diversifikazzjoni u ftehimiet ta' hedging li qed jassiguraw stabbiltà flimkien mal-politika tal-Gvern li tibqa' tissussidja biex tilqa' għall-impatti. Kien hemm aċċenn ukoll dwar il-protezzjoni tal-infrastruttura diġitali u l-moniteraġġ lejn il-katina tal-provvista li mhux stmat li se jkollha impatti għaliex diġà qed topera f'ċirkostanzi fejn għandek l-Istrett ta' Hormuz u l-Kanal ta' Swejz affettwati.

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on March 02, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on March 03, 2026 at 10:36 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]