Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

04/16/2026 | Press release | Distributed by Public on 04/17/2026 05:30

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa mal-MCESD dwar il-pjan tal-enerġija li pajjiżna għandu biex jilqa’ għal kull sfida

Hekk kif tħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa, fil-Berġa ta' Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru Miriam Dalli u mis-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, iltaqa' mal-membri tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).

Waqt din il-laqgħa, il-Prim Ministru Abela nnota li pajjiżna għandu awtoritajiet li jmexxu bil-għaqal f'ċirkostanzi internazzjonali bla preċedent u li għadna qatt ma rajna bħalhom, fejn il-prezzijiet taż-żejt jitilgħu, jinżlu u jerġgħu jisplodu 'l fuq.

Huwa żied jgħid li, għall-kuntrarju ta' pajjiżi oħra li spiċċaw bla petrol, diesel u fjuwil ieħor, pajjiżna għandu u se jkompli joffri assigurazzjoni mhux biss ta' provvista, imma wkoll ta' stabbiltà fil-prezzijiet. "Dan huwa possibbli għaliex il-Gvern baqa' jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa u fid-direzzjoni t-tajba," tenna Dr Abela.

Il-Prim Ministru spjega li s-settur tal-enerġija huwa wieħed mir-raġunijiet ewlenin għaliex Malta llum tinsab f'pożizzjoni ekonomika b'saħħitha. F'dan il-kuntest, huwa nnota wkoll it-tbassir tal-Fond Monetarju Internazzjonali, li juri kif sal-2031 Malta mistennija tesperjenza l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll inflazzjoni inqas mill-medja Ewropea.

Dr Abela qal b'mod ċar li s-sussidji fuq l-enerġija se jibqgħu jingħataw, sabiex il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin jibqgħu protetti mill-effetti tal-volatilità internazzjonali fil-prezzijiet taż-żejt u tal-fjuwil. Il-Prim Ministru kompla jisħaq li dawn id-deċiżjonijiet huma possibbli għax Malta ħasbet minn qabel u żammet l-ekonomija u l-finanzi tagħha f'qagħda soda.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera wkoll għall-politika ambizzjuża li pajjiżna għandu biex ikompli jersaq dejjem aktar lejn l-enerġija rinnovabbli, politika li mistennija tgħin biex jitnaqqsu drastikament l-emissjonijiet, filwaqt li tkompli tagħti garanzija sostnuta lill-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Prim Ministru temm jgħid li Gvern immexxi minnu se jkompli jinvesti u jsaħħaħ il-politika ta' inċentivi u sostenn mhux biss fis-settur tal-enerġija, imma f'kull qasam.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli qalet li l-istabbiltà fil-prezz u l-istabbiltà fil-provvista tal-enerġija huma pilastri importanti li fuqhom qed inħadmu u nimplimentaw il-pjan usa' tagħna fil-qasam tal-enerġija. "Fiċ-ċirkostanzi preżenti qed nerġgħu naffermaw mill-ġdid dak li dejjem bqajna konvinti minnu, partikolarment mill-2022 'il quddiem, meta d-dinja bdiet tiffaċċja sitwazzjonijiet volatili bil-prezzijiet tal-enerġija jisplodu f'diversi pajjiżi," żiedet tgħid il-Ministru Dalli.

"Aħna bqajna u nibqgħu niggarantixxu prezz stabbli għax hekk nagħtu ċertezza lill-familji u n-negozji. Bl-istess mod dejjem bqajna u se nibqgħu niggarantixxu provvista stabbli. L-istabbiltà kienet u hija l-bażi li fuqha komplejna mmexxu lil dan il-pajjiż 'il quddiem; ekonomikament u soċjalment u għalhekk dejjem iddefendejna din il-politika minkejja l-pressjonijiet kollha li kellna. Fl-istess ħin għandna pjan ambizzjuż ta' investiment fis-settur li jkompli jagħmel lil pajjiżna iktar reżiljenti," temmet tgħid il-Ministru Dalli.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni, Andy Ellul, qal li din id-diskussjoni hija waħda ferm importanti fejn qed tixpruna djalogu ħaj, immirat li jiddiskuti modi ta' kif bħala pajjiż nimxu 'l quddiem fl-interess ta' kulħadd. "Din il-laqgħa turi b'mod ċar id-djalogu soċjali miftuħ li qed iħalli l-ġid, hekk kif l-imsieħba soċjali kienu parteċipi f'din id-diskussjoni li qed taffettwa l-ġejjieni ta' dan il-pajjiż. Hekk biss jista' jkollna diskussjonijiet li verament jirriflettu r-realtajiet ta' Malta u l-bżonnijiet tal-poplu u niesu," sostna s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.

Il-Membri tal-MCESD ingħataw preżentazzjoni dettaljata dwar il-pjan preparatorju tal-enerġija miċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta Inġ. Ryan Fava, il-Kap Eżekuttiv ta' Interconnect Malta l-Inġ. Ismail D'Amato, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-IESC l-Inġ. Johann Zammit u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemed Kevin Chircop.


​​​

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on April 16, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on April 17, 2026 at 11:30 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]