Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

04/17/2026 | Press release | Distributed by Public on 04/18/2026 01:00

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER

"Id-demokrazija mhix biss ir-responsabbiltà tal-politiċi jew tal-gvernijiet. Id-demokrazija tibda min-nies", dan qalu id-Deputat Speaker, waqt li ppresieda s-sessjoni finali tal-Mini Assemblea Ewropea fil-Parlament.

Id-Deputat Speaker, David Agius indirizza lill-parteċipanti u saħaq fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni ċivika u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet fit-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea.

It-tema ta' din is-sena, "Nsaħħu t-Tessut tad-Demokrazija Ewropea: it-Tisħiħ tal-Parteċipazzjoni Ċivika u l-Fiduċja fl-Istituzzjonijiet," ġabret flimkien studenti Maltin u barranin li pparteċipaw f'simulazzjoni tal-funzjonament tal-Parlament Ewropew. Waqt din is-sessjoni, il-parteċipanti rrappreżentaw diversi pajjiżi Ewropej, iddiskutew kwistjonijiet ewlenin mill-perspettivi tal-istati membri rispettivi tagħhom u ressqu emendi għar-riżoluzzjoni ppreżentata.

Fid-diskors tiegħu, David Agius saħaq li d-demokrazija Ewropea hija mibnija fuq valuri komuni bħall-libertà, l-ugwaljanza, id-drittijiet tal-bniedem u s-saltna tad-dritt. Madankollu, dawn il-pedamenti qed jiffaċċjaw sfidi minħabba l-instabbiltà globali, id-diżinformazzjoni, il-populiżmu, it-tibdil fil-klima u diffikultajiet ekonomiċi.

Id-Deputat Speaker innota li sfidi bħal dawn, kemm fl-Ewropa kif ukoll globalment, se jkomplu jevolvu. Għalhekk, huwa importanti li niftakru li "d-demokrazija mhix biss ir-responsabbiltà tal-politiċi jew tal-gvernijiet. Id-demokrazija tibda min-nies" u li, permezz tal-kooperazzjoni, is-solidarjetà u impenn kondiviż għall-paċi u l-prosperità, dawn il-valuri jistgħu jibqgħu jiġu rispettati u msaħħa anke waqt li dawn l-isfidi globali jkunu għaddejjin.

Id-Deputat Speaker irrimarka li l-parteċipazzjoni ċivika u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet huma marbuta flimkien u huma essenzjali għall-funzjoni effettiva tad-demokrazija. Huwa saħaq li l-istituzzjonijiet, għandhom kontinwament jaħdmu biex jiksbu u jżommu l-fiduċja tal-pubbliku permezz tat-trasparenza, r-responsabbiltà u l-involviment.

Waqt li indirizza lill-parteċipanti, Agius fakkarhom ukoll fir-responsabbiltà li ġġorr magħha l-parteċipazzjoni, speċjalment fix-xenarju diġitali tal-lum, fejn it-tixrid ta' informazzjoni mhux affidabbli, jkompli jippreżenta sfidi kontinwi. Huwa saħaq fuq il-ħtieġa tal-litteriżmu tal-midja u t-tisħiħ tal-ħsieb kritiku biex tiġi miġġielda l-informazzjoni żbaljata u tissaħħaħ ir-reżiljenza demokratika.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, Agius appella lill-parteċipanti biex jibqgħu impenjati għar-responsabbiltà ċivika u biex ikollhom rwol attiv fl-iżvilupp tas-soċjetà, fejn stqarr li "Il-futur tad-demokrazija fl-Ewropa se jkun definit mill-impenn tagħkom, il-valuri tagħkom, u r-rieda tagħkom li tipparteċipaw."

Waqt din is-sessjoni kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-NSTF, is-Sur Francis Stivala. Is-sessjoni ġiet indirizzata mill-President tal-Parlament Ewropew, Dr Roberta Metsola, permezz ta' indirizz virtwali, kif ukoll mill-Whip tal-Gvern, Naomi Cachia, u minn Bernice Bonello.

​​

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on April 17, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on April 18, 2026 at 07:00 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]