Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

03/03/2026 | Press release | Distributed by Public on 03/04/2026 10:11

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jitnieda “An eARThistic Easter” 2026 fl-Esplora: esperjenza STEAM li tgħaqqad ix-xjenza[...]



Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti flimkien mad-Direttur tal-Esplora Vince Micallef Pulè nedew il-programm "An eARThistic Easter" 2026, programm estensiv ta' attivitajiet tal-Għid fiċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza ddedikati għall-esplorazzjoni tan-natura permezz tax-xjenza u l-arti.

Il-programm, li se jittella' bejn is-6 u t-12 ta' April 2026, huwa mfassal fuq l-approċċ STEAM li jintegra x-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika. Din l-inizjattiva fi ħdan Xjenza Malta għandha l-għan li tipprovdi spazji edukattivi u prattiċi fejn it-tfal u l-familji jistgħu jiskopru kif in-natura tesprimi ruħha permezz tal-ħoss, il-mudelli u l-moviment, filwaqt li jsaħħu l-ħiliet tagħhom fil-ħsieb kritiku u s-soluzzjoni tal-problemi f'ambjent informali.

Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti qal, "Inizjattivi ta' din in-natura jkomplu jsaħħu l-impenn ta' Malta lejn edukazzjoni STEAM ta' kwalità u t-tagħlim informali fix-xjenza. Ambjenti esperjenzjali bħall-Esplora għandhom l-irwol ewlieni li jikkumplimentaw l-edukazzjoni formali billi jipprovdu opportunitajiet attraenti u prattiċi għat-tfal u l-familji tagħhom. Dawn il-kompetenzi huma fundamentali biex inħejju liż-żgħażagħ isiru ċittadini responsabbli li kapaċi jaddattaw irwieħhom għal dinja li qed tinbidel b'pass mgħaġġel."

Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Esplora, Vince Micallef Pulè nnota li l-programm jippromwovi kuxjenza ambjentali u aċċess inklużiv għal edukazzjoni fix-xjenza għall-familji kollha. Huwa sostna, "Permezz ta' attivitajiet prattiċi mfassla b'attenzjoni, it-tfal u l-familji se jkunu mħeġġa josservaw fenomeni naturali u jesperimentaw b'varjetà ta' materjali ispirati mill-ambjent. L-għan tagħna huwa li nuru kif l-esplorazzjoni xjentifika tista' sseħħ permezz tal-logħob u l-kreattività. Nistiednu lill-familji jżuru l-Esplora għal esperjenza sigura u stimulanti li tħalli lil kull min iżur mimli b'ideat ġodda u bix-xewqa li jkompli jesplora u joħloq."

Matul il-ġimgħa tal-festival se jittellgħu bosta inizjattivi varjati, inklużi wirjiet interattivi tax-xjenza, workshops kreattivi u esperjenzi sensorji mfassla għal gruppi ta' età differenti. L-attivitajiet se jesploraw temi bħall-komunikazzjoni tal-annimali, il-bijomekkanika fin-natura, u t-teorija tad-dawl u l-kulur, kif ukoll involviment sensorju speċjalizzat għat-tfulija bikrija. Dan kollu qed isir biex tiġi żgurata parteċipazzjoni inklużiva tul l-istadji differenti tal-iżvilupp tat-tfal.

Għal aktar informazzjoni u biljetti, wieħed jista' jżur is-sit https://www.showshappening.com jew id-dettalji fuq il-paġna uffiċjali tal-Esplora.

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on March 03, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on March 04, 2026 at 16:11 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]