06/17/2026 | Press release | Distributed by Public on 06/18/2026 05:10
Fuq stedina tal-Ministru tal-Intern Taljan, Matteo Piantedosi, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, flimkien mal-Ministru Ċiprijott għall-Immigrazzjoni u l-Protezzjoni Internazzjonali, Nicholas Ioannides, u l-Ministru Grieg għall-Immigrazzjoni u l-Ażil, Athanasios Plevris, ilbieraħ iltaqgħu f'Ruma sabiex jiddiskutu l-immigrazzjoni irregolari u l-koordinazzjoni reġjonali f'dan il-qasam.
Il-laqgħa - inizjattiva mħabbra mill-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni waqt is-Summit ta' Ċipru f'April li għadda - iffukat fuq l-iżvilupp ta' strateġiji komuni ġodda li għandhom jiġu ppreżentati fil-livell Ewropew, bil-għan li jiġu evitati kriżijiet migratorji potenzjali marbuta mal-instabbiltà ġeopolitika attwali fil-Lvant Nofsani.
Il-ministri enfasizzaw il-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ il-kooperazzjoni investigattiva sabiex jiġu identifikati u żarmati n-netwerks involuti fit-traffikar tal-bnedmin. Huma tennew ukoll li l-operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ fuq il-baħar huma kompetenza esklussiva tal-Istati, filwaqt li esprimew tħassib li l-preżenza ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) f'ċerti żoni marittimi tista' sservi bħala fattur li jinkoraġġixxi t-tluq irregolari minn pajjiżi fl-Afrika ta' Fuq.
Matul il-laqgħa, il-ministri qablu wkoll dwar numru ta' prijoritajiet oħra, fosthom:
• Il-ġlieda kontra l-abbuż mis-sistema tal-ażil, filwaqt li jiġi mħares id-dritt għall-ażil u fl-istess ħin jiġi evitat l-użu ħażin tiegħu;
• Il-promozzjoni tar-ritorn volontarju assistit, permezz ta' appoġġ għal programmi ta' ripatrijazzjoni minn pajjiżi ta' tranżitu lejn il-pajjiżi tal-oriġini; u
• It-tisħiħ tal-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, permezz ta' aktar kapaċità operattiva u koordinazzjoni biex jiġu ssalvagwardjati l-fruntieri tal-Unjoni.
Sabiex tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi involuti, il-ministri qablu li jistabbilixxu netwerk ta' punti ta' kuntatt nazzjonali, responsabbli mill-prevenzjoni tal-flussi migratorji irregolari u mill-faċilitazzjoni ta' rispons rapidu u koordinat f'każ ta' emerġenzi relatati mal-migrazzjoni.