11/16/2025 | Press release | Distributed by Public on 11/17/2025 09:45
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal kompla jsaħħaħ l-assistenza u l-finanzjament tiegħu lil NGOs illi jgħinu persuni vulnerabbli fil-komunità. Dan hekk kif ġie estiż ftehim soċjali bejn il-Ministeru Soċjali u l-Fondazzjoni Suret il-Bniedem, li tmexxi r-residenza Teresa Spinelli.
Dan il-ftehim speċifiku ser ikun qed jagħti serħan il-moħħ għat-tliet snin illi ġejjin, sabiex titmexxa din ir-residenza li tilqa' nisa, wħud minnhom bit-tfal. Din ir-residenza mhux biss isservi ta' xelter, iżda minnha jingħataw servizzi ta' saħħa inkluż dawk psikoloġiċi, kif ukoll assistenza soċjolegali, fost oħrajn.
Għal dan il-ftehim, ġew allokati mad-€985,500 fuq medda ta' tliet snin sabiex jingħata servizz soċjali b'saħħtu li jindirizza l-bżonnijiet ta' dawn il-persuni.
"Dawn il-ftehimiet huma xhieda ċara ta' kemm dan il-Gvern jemmen fil-potenzjal ta' kulħadd. Ma nistennewx sakemm dik il-persuna vulnerabbli tasal fi stat ta' periklu għal ħajjitha, iżda nintervjenu sabiex nipprevjenu l-konsegwenzi li jistgħu jiġu kkawżati," stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson ta' Fondazzjoni Suret il-Bniedem, Marique Sciberras, stqarret li din ir-residenza hija waħda minn ħamest idjar li tmexxi l-Fondazzjoni.
"Hawnhekk nagħmlu ċert li nassistu nisa u ommijiet bi problemi soċjali varji u kumplessi, u li kawża tagħhom, ikunu tilfu kollox. L-għan aħħari tagħna huwa li ngħinuhom isibu posthom fis-soċjetà," temmet tgħid iċ-Chairperson ta' Fondazzjoni Suret il-Bniedem, Marique Sciberras