09/16/2025 | Press release | Distributed by Public on 09/17/2025 02:31
Il-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali jgħarraf illi d-data tal-għeluq għar-Reġistri Elettorali għall-Elezzjonijiet Ġenerali, għall-Kunsilli Lokali u għall-Unjoni Ewropea riveduti li jmisshom ikunu ppubblikati f'Ottubru hija t-30 ta' Settembru, 2025.
Il-persuni kollha ta' nazzjonalità Maltija u tal-Unjoni Ewropea li għandhom 16-il sena u fuqhom u li isimhom ma jidhirx fir-Reġistru Elettorali ppubblikat f'April 2025, u li għadhom ma applikawx għar-reġistrazzjoni bħala votanti, għandhom japplikaw kemm-il darba jkollhom il-kwalifiki neċessarji. Ċittadini Brittaniċi huma eliġibbli li jkunu reġistrati bħala votanti fir-Reġistru Elettorali għall-Kunsilli Lokali biss.
Huwa fl-interess tal-votanti rreġistrati li jivverifikaw li l-partikolaritajiet personali tagħhom kif jidhru fir-Reġistru Elettorali ta' April 2025 huma korretti. Għandhom ukoll jaraw li l-isem jew in-numru tad-dar, l-isem tat-triq kif ukoll in-numru tal-Karta tal-Identità tagħhom jidhru sewwa fl-imsemmijin Reġistri.
Il-votanti rreġistrati għandhom jgħarrfu lill-Uffiċċju Elettorali b'kull tibdil/korrezzjoni li jkunu meħtieġa. Dawk il-persuni li jixtiequ japplikaw għar-reġistrazzjoni bħala votanti jew għal tibdil/korrezzjoni fir-Reġistru Elettorali, għandhom jagħmlu hekk billi japplikaw simultanjament għall-karta tal-identità fl-Uffiċċju tal-ID Cards għaċ-ċittadini Maltin u Residence Cards għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u Brittaniċi. Aktar informazzjoni tista' tinkiseb minn fuq is-sit web tal-Kummissjoni Elettorali (https://www.electoral.gov.mt) taħt is-sezzjoni "MISTOQSIJIET".
L-applikazzjonijiet kollha taċ-ċittadini Maltin iridu jaslu għand Identità, Gattard House, Triq Nazzjonali, Blata l-Bajda jew The Tower, L-Ewwel Sular, Triq Fortunato Mizzi, ir-Rabat, Għawdex, u għal dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u Brittaniċi l-applikazzjonjiet iridu jaslu għand il-Unit tal-Espatrijati, Castagna Building, Triq il-Wied, L-Imsida jew Residence Card Unit, The Tower, L-Ewwel Sular, Triq Fortunato Mizzi, ir-Rabat, Għawdex, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru, 2025.