Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

04/05/2026 | Press release | Distributed by Public on 04/06/2026 08:58

STQARRIJA MINN DR LYDIA ABELA Mijiet ta’ tfal jingħaqdu fl-inizjattiva ‘Enchanted Easter’ b’risq Puttinu Cares

Għal sena oħra, l-għada tal-Għid il-Kbir, kienet organizzata esperjenza ta' kreattività u ferħ għal tfal ta' kull età.

L-inizjattiva 'Enchanted Easter' daħħlet lil mijiet ta' bniet u subien, flimkien mal-ġenituri tagħhom, f'dinja ħelwa u maġika ta' logħob u avventuri. Huma mxew fuq vjaġġ interattiv madwar Villa Francia f'Ħal Lija biex setgħu jipparteċipaw f'attivitajiet tematiċi u animati.

Fost oħrajn, it-tfal iddekoraw il-ħelu tradizzjonali tal-Għid, gawdew il-mużika u ż-żfin, u ħadu sehem f'kompetizzjonijiet marbuta maċ-ċikkulata.

Din l-esperjenza kienet possibbli bil-kontribut ta' artisti u professjonisti minn oqsma differenti li b'mod volontarju ngħaqdu fl-inizjattiva u ferrħu lil kull min attenda.

'Enchanted Easter' kienet ukoll okkażjoni oħra għal bejgħ tal-figolli 'Giolli' li bint il-Prim Ministru u Dr Lydia Abela, Giorgia Mae, ippreparat fl-aħħar ġimgħat bl-għajnuna ta' dulċiera li għażlu li jgħinuha fil-proġett tagħha.

Id-dħul kollu minn din l-inizjattiva ħa jiġi ppreżentat fil-jiem li ġejjin lill-għaqda Puttinu Cares għall-kawża ġusta li twettaq.

F'messaġġ tal-okkażjoni, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela qalet li 'Enchanted Easter' tirrifletti l-interess partikolari li daż-żmien tas-sena joħloq fost il-Maltin u l-Għawdxin, speċjalment bis-saħħa tat-tradizzjonijiet lokali li saru jinżlu tajjeb anke mat-tfal.

Dr Abela semmiet kif din l-attività annwali toffri wkoll spazju li jkattar l-immaġinazzjoni taċ-ċittadini żgħar tagħna li, fi kliemha, huma xempju tal-enerġija pożittiva u l-ħolm li jsir realtà.

Mart il-Prim Ministru temmet b'kelma ta' ringrazzjament għad-dedikazzjoni ta' Puttinu Cares favur tfal u familji fl-iktar mumenti vulnerabbli.

Qalet li din l-għaqda tagħmel differenza kbira fil-ħajja ta' kull min jitlob l-għajnuna u għalhekk li l-poplu Malti u Għawdxi jirrikorri b'tant saħħa meta jintalab jagħti d-donazzjonijiet li jsostnu l-ħidma tagħha.​​

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on April 05, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on April 06, 2026 at 14:58 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]