01/19/2026 | Press release | Distributed by Public on 01/20/2026 07:08
Il-Ministeru għall-Agrikoltura qed jinforma lill-bdiewa li, minħabba l-maltempata qawwija li laqtet lill-gżejjer Maltin bejn ilbieraħ u llum, qiegħed jitnieda proċess ta' rappurtaġġ biex tinġabar informazzjoni dettaljata dwar il-ħsarat li sofrew il-produzzjonijiet agrikoli.
Mill-Erbgħa 21 ta' Jannar 2026, il-bdiewa huma mħeġġa jissottomettu ritratti geotagged permezz tal-pjattaforma Biedja Cam, flimkien mad-dettalji tal-għelieqi u l-uċuħ tar-raba'.
L-għan ta' dan il-proċess huwa li tinġabar evidenza fotografika u ġeografika tal-ħsarat, jiġi analizzat l-impatt fuq livell nazzjonali, u jsiru verifiki fuq il-post matul il-ġimgħa li ġejja. Din l-informazzjoni ser tintuża biex il-Gvern jippreżenta lill-Kummissjoni Ewropea informazzjoni sabiex tiġi kkunsidrata tfassil ta' skema t'għajnuna.
Il-bdiewa għandhom jissottomettu r-ritratti tagħhom sal-Ġimgħa filgħaxija. Huwa importanti li wieħed jinnota li f'każ li tiġi varata skema ta' għajnuna marbuta ma' din il-maltempata, huma biss il-bdiewa li jagħmlu s-sottomissjoni tagħhom permezz ta' Biedja Cam sa nhar il-Ġimgħa li jistgħu jkunu eliġibbli.
Għal għajnuna jew mistoqsijiet, wieħed jista' jikkuntattja l-Helpline ta' AgriConnect - 21804981/2/4. Informazzjoni dwar il-Biedja Cam tista' tiġi aċċessata hawn: https://arpa.gov.mt/biedja-cam/