Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

11/12/2025 | Press release | Distributed by Public on 11/13/2025 04:08

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Malta tiffirma ftehim storiku għas-settur tas-sajd waqt żjara uffiċjali fiċ-Ċina

Fiċ-Ċina ġie ffirmat l-ewwel ftehim ta' esportazzjoni ta' prodotti tas-sajd minn annimali akkwatiċi maqbuda mis-selvaġġ lejn iċ-Ċina. Dan il-ftehim huwa pass storiku għas-settur tas-sajd f'Malta, u se joffri opportunitajiet ġodda u stabbiltà akbar għall-komunità tas-sajjieda Maltin, u jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina fil-qasam tal-agrikoltura u s-sajd sostenibbli.

L-iffirmar tal-ftehim saret waqt żjara uffiċjali tal-Ministru Anton Refalo fiċ-Ċina, fejn il-Ministru Refalo ltaqa' mal-Ministru tal-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana Ċiniża, Meijun Sun.

Il-Ministru Anton Refalo qal, "Dan il-ftehim storiku jiftaħ kapitlu ġdid għall-komunità tas-sajjieda Maltin. Għall-ewwel darba, il-prodotti tas-sajd tagħna maqbuda mis-selvaġġ se jkollhom aċċess dirett għas-suq Ċiniż, wieħed mill-akbar u l-aktar promettenti fid-dinja. Dan ifisser mhux biss opportunitajiet ġodda ta' dħul u prezzijiet aħjar, iżda wkoll rikonoxximent internazzjonali tal-kwalità u l-professjonalità li joffru s-sajjieda tagħna."

Fl-istess waqt, il-preżenza ta' Malta fiċ-China International Import Expo wriet kif il-prodotti agrikoli u tas-sajd Maltin jistgħu jikkompetu b'saħħithom fuq livell globali. "Il-kwalità, il-ġenwinità u l-passjoni tal-produtturi tagħna qed jiġbdu l-attenzjoni ta' konsumaturi u investituri internazzjonali. Dan kollu juri li Malta, minkejja d-daqs tagħha, kapaċi tkun pajjiż b'vuċi u preżenza sinifikanti meta taħdem b'viżjoni, determinazzjoni u fidi fil-potenzjal tagħha," temm jgħid il-Ministru Refalo.

B'rabta ma' dan il-ftehim, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said sostniet, "Dan il-ftehim hu importanti għal pajjiżna. Wara diversi laqgħat mal-Ambaxxata Ċiniża, qed naraw lil pajjiżna jagħmel pass ieħor 'il quddiem f'dan is-settur. Il-ftehim ta' esportazzjoni lejn iċ-Ċina mhux biss jiftaħ opportunitajiet ġodda għas-sajjieda Maltin, imma joffri wkoll stabbiltà akbar u suq ġdid għall-prodotti tagħna. Dan hu eżempju ċar ta' kif, permezz ta' koperazzjoni internazzjonali u impenn lejn is-sostenibbiltà, nistgħu niżguraw futur b'saħħtu u sostenibbli għas-settur tas-sajd f'Malta."

Il-Ministeru qed jaħdem ukoll biex jespandi l-opportunitajiet ta' esportazzjoni għal prodotti oħra ta' kwalità għolja, inklużi gambli ħomor, kunserva u żejt taż-żebbuġa, sabiex tissaħħaħ il-preżenza ta' Malta fis-suq Ċiniż u jiġi promoss tkabbir sostenibbli għall-produtturi lokali. Fil-fatt, parti miż-żjara uffiċjali tal-Ministeru kienet tiffoka fuq il-parteċipazzjoni ta' Malta fiċ-China International Import Expo f'Shanghai fejn numru ta' prodotti Maltin ġew esebiti fuq stand imtella' apposta minn Malta.

Matul din iż-żjara uffiċjali, il-Ministru Refalo kellu wkoll laqgħat uffiċjali mal-Viċi President tal-Assoċjazzjoni tal-Poplu għas-Sħubija mal-Pajjiżi Barranin. Matul dawn il-laqgħat, ġew diskussi opportunitajiet ta' esportazzjoni u kif jistgħu jissaħħu r-rabtiet bejn Malta u ċ-Ċina fil-qasam tal-kummerċ u l-kooperazzjoni internazzjonali.

Matul din iż-żjara uffiċjali, il-Ministru Refalo kellu wkoll laqgħat uffiċjali mal-Viċi President tal-Assoċjazzjoni tal-Poplu għas-Sħubija mal-Pajjiż Barranin.​​

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on November 12, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on November 13, 2025 at 10:08 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]