10/20/2025 | Press release | Distributed by Public on 10/21/2025 07:16
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal kompla jassisti organizzazzjonijiet mhux governattivi sabiex jibqgħu joffru servizzi soċjali professjonali lill-klijenti tagħhom.
Ġie ffirmat ftehim soċjali ma' Dar Hosea, residenza li tilqa' fiha nisa vulnerabbli, li jkunu għaddejjin mill-problema tal-prostituzzjoni. Ħafna drabi dawn il-vittmi jidħlu f'dan iċ-ċirku minħabba dipendenza ta' vizzji, u anke rabta m'attivitajiet kriminali oħrajn.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, spjega kif dan il-ftehim ser ikun jinkludi fih madwar 4,160 siegħa ta' sapport soċjali, finanzjament akbar minn dak preċedenti li jippermetti ingaġġ akbar ta' ħaddiema soċjali.
"Ftehimiet bħal dawn jikkonfermaw l-impenn u l-kontinwazzjoni ta' xogħol li dan il-Gvern qed ikompli jagħmel fil-qasam soċjali. Dan bil-għan illi ma nħallu l-ħadd jaqa' lura, u għalhekk il-bżonn li nkomplu ninvestu f'soċjetà li tifhem, tgħin u tagħder lil kulħadd," stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Il-ħaddiema soċjali Maria Pellicano stqarret li f'din ir-residenza n-nisa jingħataw għajnuna mingħajr ebda preġudizzju. Għaldaqstant hija saħqet li Dar Hosea dejjem tħalli l-bibien tagħha miftuħin, sabiex tagħti ċans, opportunità, lil dawn il-persuni ssibu lura d-dinjità u l-potenzjal tagħhom.
"Dawn il-partnerships soċjali jgħinuna nidentifikaw każijiet ta' perikli fi stadju bikri, speċjalment meta jkun hemm involuti l-minuri. Permezz ta' tisħiħ fil-finanzjament nistgħu nkomplu noffru sapport, imħabba, u ambjent sigur lil dawn in-nisa," temmet tgħid Maria Pellicano.