10 snin ta' impenn, rieda, appoġġ soċjali, emozzjonali u finanzjarju. Dawn kienu l-qofol ta' ħidma kontinwa, 24 siegħa kuljum li kkaraterizzaw ħidma bla preċedenti tal-Fondazzjoni Dar il-Hena.
Illum, il-Fondazzjoni Dar il-Hena qed tiċċelebra l-10 sena anniversarju, minn meta bdiet tagħti servizzi ta' shelter, u ikliet wara nofsinhar u filgħaxija għal dawk il-persuni li jkollhom problemi finanzjarji jew anke jkunu maħkuma mill-vizzji.
Din il-mixja soċjali bdiet b'kollaborazzjoni bejn il-Gvern, Alf Mizzi u Caritas, fejn minn dak iż-żmien ħadd qatt ma ħares lura, dan filwaqt li komplew jissaħħu s-servizzi offruti.
Propju nhar il-Erbgħa filgħodu kien iċċelebrat l-10 sena anniversarju, fil-preżenza tal-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon, il-Caritas u l-Fondazzjoni Alf Mizzi fost oħrajn.
Ingħad illi fl-ewwel snin ta' din il-partnership kien sar ftehim ta' sħubija soċjali mal-Ministeru tal-Familja, sakemm fl-2020 inħoloq fond speċifikament għat-tmexxija ta' din il-Fondazzjoni, li kien ilaħħaq €795,000. Din is-sena, il-Gvern ivvota miljun ewro, żieda ta' 26%.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon spjega li tgħin kemm tgħin, xorta ser jibqa' persuni fil-periferija, għalhekk xogħolna huwa li verament nipproteġu lil dawk li jinsabu fit-tarf li jintilfu mix-xibka soċjali.
"Illum, qed nitkellmu fuq realtajiet ta' ftit individwi li għandhom bżonn sostenn, mhux biss finanzjarju iżda anke soċjali sakemm jerġgħu isibu saqajhom. Kulħadd għandu dritt jgħix ħajja ta' kwalità. Dan il-Gvern ma jħalli lil ħadd waħdu", stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Id-Direttur ta' Caritas Malta, Anthony Gatt, enfasizza l-valur tal-kollaborazzjoni b'saħħitha bejn is-servizzi kollha involuti, mibnija fuq il-prinċipju li nilħqu lil dawk li jinsabu fil-periferija tas-soċjetà.
Huwa rrimarka li ċ-ċentri ta' Dar il-Hena huma uniċi fis-servizzi ta' għajnuna ta' emerġenza li joffru, u qasam esperjenza li baqgħet miegħu meta mara għaddiet minn tfulija diffiċli u ffaċċjat diversi problemi soċjali, qaltlu li qatt f'ħajjitha ma kienet kielet ikel daqshekk tajjeb bħal dak ippreparat f'Dar Papa Franġisku.
Anthony Gatt irringrazzja lill-istaff kollu għad-dedikazzjoni u l-imħabba li biha jwettaq il-ħidma tiegħu f'settur li mhux dejjem faċli jattira ħaddiema, kif ukoll lis-servizzi u l-entitajiet kollha li jaħdmu id f'id ma' Dar Papa Franġisku.
Iċ-Chairperson ta' The Alfred Mizzi Foundation, Julian Sammut, spjega kif wara snin twal ta' impenn fil-qasam tal-ikel u diversi inizjattivi ta' għajnuna fil-komunità, il-Fondazzjoni ħarġet bl-idea ta' soup kitchen biex tilħaq lill-aktar persuni vulnerabbli. Minn din il-viżjoni twieldet il-kollaborazzjoni ma' Caritas Malta, li aktar tard kibret bis-sħubija mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja, u wasslet għat-twaqqif tal-Fondazzjoni Dar il-Hena.
Huwa qal li, wara għaxar snin, din is-sħubija qed tkompli tagħti l-frott tagħha permezz tas-servizzi ta' Dar Papa Franġisku, Dar Maria Dolores u Reach, fejn il-kollaborazzjoni bejn il-partijiet kollha dejjem kienet waħda eċċellenti.
Julian Sammut sellem ukoll il-memorja ta' Charles Miceli, li ddeskrivieh bħala persuna li ħalliet marka qawwija f'dan il-qasam u li s-soċjetà għadha tħoss in-nuqqas tiegħu sal-lum. Huwa temm jgħid li f'Dar Papa Franġisku n-nies ma jsibux biss ikla sħuna, iżda wkoll dinjità, ħbiberija u sostenn fi żminijiet diffiċli.