Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

06/26/2026 | Press release | Distributed by Public on 06/27/2026 04:48

​ STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Malta tikseb l-appoġġ biex il-proġett tal-pipeline jibqa’ eliġibbli għall-finanzjament[...]


Malta kisbet l-appoġġ tal-Istati Membri għall-estensjoni ta' deroga li tippermetti li l-proġett tal-pipeline, kompatibbli mal-idroġenu, jibqa' rikonoxxut mill-Unjoni Ewropea bħala Proġett ta' Interess Komuni (Project of Common Interest) u jibqa' eliġibbli biex potenzjalment jibbenefika minn finanzjament Ewropew.

Il-Ministri għall-Enerġija tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu l-Ġimgħa fil-Lussemburgu, fejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea laħaq Pożizzjoni Ġenerali dwar ir-reviżjoni tar-Regolament tat-TEN-E.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill issa trid tgħaddi għan-negozjati tat-trilogu mal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew qabel jiġi adottat it-test finali.

"Dan huwa pass importanti 'l quddiem għal Malta, li jirrifletti r-realtajiet ġeografiċi ta' pajjiżna, filwaqt li jibqa' konformi mal-istrateġija fit-tul tal-Gvern u mal-viżjoni tagħna biex sal-2050 is-settur tal-produzzjoni tal-elettriku jkun dekarbonizzat. Assigurajna l-appoġġ tal-Kunsill biex il-proġett tal-pipeline jibqa' eliġibbli għal finanzjament potenzjali mill-Unjoni Ewropea, grazzi għat-tim kollu Malti li ħadem fuq din il-pożizzjoni. Minħabba li l-pipeline huwa ddisinjat biex ikun kompatibbli mal-idroġenu, pajjiżna se jkun f'pożizzjoni li jkun jista' jingħaqad man-netwerk Ewropew tal-idroġenu u mas-suq tal-idroġenu li qed jiżviluppa," qalet il-Ministru għall-Enerġija Dr Miriam Dalli.

Mid-dħul fis-seħħ tagħha fl-2021, din id-deroga kienet kruċjali biex il-proġett tal-pipeline jibqa' jżomm l-istatus ta' Proġett ta' Interess Komuni (PCI) fil-Listi tal-Unjoni tal-2023 u tal-2025. Id-deroga tissalvagwardja wkoll l-eliġibbiltà tal-proġett għal finanzjament mill-programm Connecting Europe Facility (CEF).

L-estensjoni proposta tad-deroga ngħatat l-appoġġ fuq il-bażi li Malta u Ċipru għadhom fiżikament iżolati min-netwerk trans-Ewropew tal-gass u min-netwerk futur tal-idroġenu fl-Ewropa. Id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri laqgħu l-argumenti favur ir-realtajiet ġeografiċi ta' Stati Membri gżejjer żgħar, u qablu li konnessjoni permezz ta' pipeline għal dawn iż-żewġ pajjiżi tibqa' objettiv importanti għall-Unjoni Ewropea.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti wkoll il-fehma li l-implimentazzjoni ta' dawn il-konnessjonijiet permezz ta' pipeline m'għandhiex tfixkel il-proċess ta' dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija jew l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija nadifa u tal-infrastruttura relatata magħhom.

Matul l-istess laqgħa tal-Kunsill, id-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea adottaw ukoll Pożizzjoni Ġenerali dwar Direttiva li għandha l-għan li tħaffef il-proċessi tal-permessi għal proġetti ta' enerġija rinnovabbli. Il-Ministri tal-Enerġija qasmu wkoll fehmiet dwar kif l-Unjoni Ewropea tista' tilħaq bl-aħjar mod l-għanijiet tagħha fil-qasam tal-enerġija għall-perjodu ta' wara l-2030, filwaqt li kkoordinaw il-miżuri ta' rispons fid-dawl tat-tensjonijiet ġeopolitiċi fil-Lvant Nofsani.


​​

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on June 26, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on June 27, 2026 at 10:48 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]