Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

12/21/2025 | Press release | Distributed by Public on 12/22/2025 04:44

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Il-Ġermanja ġġedded ftehim biex tkompli tappoġġja lill-MEDAC fl-istudji[...]

L-Akkademja Mediterranja tal-Istudji Diplomatiċi (MEDAC), fi ħdan l-Università ta' Malta, u l-Uffiċċju Federali għall-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja qablu li jġeddu ftehim li ilu fis-seħħ għal ħafna snin, għal Appoġġ mill-Ġermanja fl-istudji dwar il-Paċi u l-Prevenzjoni tal-Kunflitti, fi ħdan l-istess Akkademja.​​

Il-ftehim ġie ffirmat mill-Ambaxxatriċi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal Malta, Tanja Beyer, u mill-President Emeritu u Chairman tal-MEDAC, George Vella, fil-preżenza tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg nhar il-Ġimgħa 19 ta' Diċembru 2025.

L-Appoġġ Ġermaniż tal-MEDAC fl-Istudji dwar il-Paċi u l-Prevenzjoni tal-Kunflitti ġie stabbilit fl-2009 b'rikonoxximent tal-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja. Il-letturi li taw il-kontribut tagħhom permezz ta' dan l-appoġġ matul is-snin kienu responsabbli minn korsijiet post-gradwatorji lill-istudenti tal-MEDAC fl-istudji dwar is-sigurtà, flimkien ma' diversi attivitajiet akkademiċi oħra fi ħdan l-istess Akkademja.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg irringrazzja lill-Ġermanja talli sostniet il-kontribut kruċjali tagħha lill-MEDAC tul l-aħħar 16-il sena. "Fi żminijiet ta' sfidi ġeopolitiċi u soċjali globali u reġjonali bla preċedent, ir-rwol ta' diplomatiċi mħarrġa tajjeb u bi prinċipji sodi sabiex jixprunaw id-djalogu u l-kooperazzjoni internazzjonali huwa aktar importanti minn qatt qabel. F'dan ir-rigward, se nkomplu ngħinu lill-MEDAC fis-snin li ġejjin, bħala parti mill-impenn komuni tagħna lejn l-edukazzjoni u l-emanċipazzjoni taż-żgħażagħ bħala s-sisien tal-paċi, it-tolleranza u l-ġustizzja," qal Dr Borg.

L-Ambaxxatriċi Beyer żiedet li "l-edukazzjoni għandha wkoll irwol kbir fl-aġenda tal-'Patt għall-Mediterran' li nediet il-Kummissjoni Ewropea f'Ottubru. Bħal Malta, il-Ġermanja temmen li fir-relazzjonijiet internazzjonali, id-diplomazija għandha ssaltan, u mhux il-kunflitt u l-gwerra. Huwa għalhekk li ż-żewġ pajjiżi qed inkomplu nappoġġjaw lill-MEDAC. L-Appoġġ Ġermaniż għall-Istudji dwar il-Paċi u l-Prevenzjoni tal-Kunflitti huwa l-aktar element ewlieni tal-kooperazzjoni bilaterali tagħna."

Il-Professur Stephen Calleya, Direttur tal-MEDAC, irringrazzja lill-Gvern Ġermaniż għall-għajnuna imprezzabbli tiegħu lill-MEDAC u enfasizza li l-Appoġġ Ġermaniż fl-Istudji dwar il-Paċi u l-Prevenzjoni tal-Kunflitti ilu pilastru ewlieni fl-attivitajiet akkademiċi tal-MEDAC sa mill-2009.​

Uffiċjali oħra mill-Ambaxxata Ġermaniża f'Malta u mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu wkoll kienu preżenti waqt l-iffirmar tal-ftehim.

Il-MEDAC ġie stabbilit fi ħdan l-Università ta' Malta fl-1990, bil-għan li jipprovdi studji post-gradwatorji għal diplomatiċi żgħażagħ kif ukoll għal studenti li qed ifittxu karriera internazzjonali fid-diplomazija, f'organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi, jew fis-settur privat. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-MEDAC baqa' jirċievi appoġġ finanzjarju u loġistiku mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta' Malta, mill-Università ta' Malta u minn imsieħba internazzjonali oħra.

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on December 21, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on December 22, 2025 at 10:44 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]