10/28/2025 | Press release | Distributed by Public on 10/29/2025 09:23
Il-Budget 2026 li ġie ppreżentat huwa l-akbar Budget fl-istorja ta' pajjiżna li jsaħħaħ l-investiment fil-qasam soċjali u fil-volontarjat, żewġ pilastri kruċjali li jsaħħu l-għaqda u s-solidarjetà fil-komunitajiet tagħna.
Dan spjegawh aħjar il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg, waqt żjara li huma għamlu fiċ-ċentru tal-Volontarjat Jake Vella f'Raħal Ġdid.
Fil-qasam tal-volontarjat, il-Gvern qed ikompli jpoġġi l-għaqdiet mhux governattivi u l-voluntiera fiċ-ċentru tal-politika soċjali tiegħu, billi jalloka fondi rekord ta' aktar minn €2.5 miljun taħt sitt skemi differenti mmexxijin mill-Kunsill Malti għall-Volontarjat (MCVS). Dawn il-fondi huma maħsuba biex isaħħu l-ħidma essenzjali tal-għaqdiet li jaħdmu f'diversi oqsma, bi proġetti fil-komunità, investiment f'makkinarju u taħriġ.
Din is-sena, żewġ miżuri ġodda se jkomplu jagħtu spinta diretta lill-għaqdiet volontarji. L-ewwel, se jitħaddem inċentiv fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għal dawk l-għaqdiet li jaħdmu fid-diżabilità u fil-ħarsien tal-annimali biex dawn ma jibqgħux jitħallsu b'rata kummerċjali. Minn din l-iskema, mistenni jibbenifikaw aktar minn 80 għaqda volontarja. Apparti din l-iskema, se tinbeda skema ġdida għat-titjib tal-binjiet li jużaw dawn l-għaqdiet biex iservu lill-komunità. Din l-iskema mhux biss tixhed l-apprezzament tal-Gvern għax-xogħol volontarju, iżda se ssaħħaħ ukoll l-infrastruttura li tgħin biex dan ix-xogħol isir f'ambjent sigur u modern.
Barra minn hekk, l-iskema eżistenti tat-tax credit għall-kumpaniji privati li jagħtu donazzjonijiet lill-għaqdiet volontarji fis-soċjal, fl-ambjent u fil-ħarsien tal-annimali, bi kreditu ta' taxxa sa massimu ta' €500, se tibqa' fis-seħħ.
Il-Gvern ħabbar ukoll li matul tmiem dan ix-xahar se tiġi mnedija l-Istrateġija Nazzjonali tal-Volontarjat, wara proċess estensiv ta' konsultazzjoni. Din l-istrateġija se tiddetermina l-viżjoni u d-direzzjoni għall-iżvilupp sostenibbli tas-settur volontarju fis-snin li ġejjin.
Permezz ta' dan il-Budget, il-qasam tad-diżabilità wkoll ra serje ta' titjib sostanzjali. Uħud minn dawn il-miżuri jinkludu żidiet fl-assistenzi għal persuni b'diżabilità u l-carers tagħhom, estensjoni tal-eliġibilità għar-rifużjoni ta' terapiji sa 23 sena, titjib fit-tnaqqis tat-taxxa għal miżati f'ċentri ta' terapija privati, u l-ħolqien ta' servizzi ġodda fil-komunità.
Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif "dan il-Budget huwa pass ieħor b'saħħtu fit-triq li qegħdin nimxu fiha bħala Gvern: triq ta' progress soċjali, ta' inklużjoni u ta' solidarjetà. Huwa l-akbar Budget fl-istorja ta' pajjiżna, u mhux ta' b'xejn, għax qed inpoġġu l-investiment fin-nies fiċ-ċentru ta' kull deċiżjoni li nieħdu. Aħna nemmnu bis-sħiħ li pajjiż ma jitkejjelx biss bit-tkabbir ekonomiku tiegħu, imma b'kemm ikun kapaċi jħares lil min hu vulnerabbli u jsaħħaħ lil min jagħti bla ma jistenna lura. Għalhekk, f'dan il-Budget, il-volontarjat ingħata post denju bħala wieħed mill-pilastri tas-soċjetà tagħna."
Il-Ministru Farrugia sostniet li l-voluntiera u l-għaqdiet mhux governattivi huma l-ispalla siekta ta' ħafna familji u komunitajiet, u llum qed jagħtuhom is-sapport li jistħoqqilhom aktar minn qatt qabel. Kompliet li qed jallokaw aktar fondi minn qatt qabel, qed joħolqu inċentivi ġodda biex l-operat tagħhom ikun sostenibbli, u qed iħarsu lejn il-futur b'strateġija nazzjonali li tpoġġi l-volontarjat f'qafas professjonali u strutturat.
"Fl-istess ħin, il-Budget 2026 ikompli jsaħħaħ il-qasam tad-diżabilità. Għax soċjetà inklussiva tfisser soċjetà li ma tħalli lil ħadd warajha. Żidna l-assistenzi, it-tnaqqis fit-taxxa, u qed ninvestu f'faċilitajiet ġodda li jġibu l-inklużjoni fil-qalba tal-komunità, kif ukoll żewġ proġetti ta' respite ġodda," temmet tgħid il-Ministru Julia Farrugia.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg semmiet l-allokazzjoni ta' miljun ewro li għall-ewwel darba ser jipprovdi għajnuna lill-vittmi tal-vjolenza domestika biex ikollhom akkomodazzjoni alternattiva. Hija qalet li dal-proġett ser jikkumplimenta x-xogħol fejjiedi li jsir mill-NGO's li jipprovdu shelter temporanja lill-vittmi tal-vjolenza domestika li ser ikunu qed jiġu mgħejuna mill-Gvern.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg żiedet tgħid li fost oħrajn, il-Budget jipprovdi wkoll għal finanzjament sostanzjali biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika b'impenn minn diversi entitajiet li jipprovdu l-għajnuniet meħtieġa. Hija ħabbret li għat-tieni sena konsekuttiva, ser jerga' jitnieda l-programm li jgħin NGO's iwettqu proġetti biex tkun indirizzata din il-pjaga soċjali. Is-Segretarju Parlamentari qalet li dal-Gvern jaħdem id f'id u lest ikun ta' spalla għall-għaqdiet tas-soċjetà ċivili li jridu jaħdmu biex javvanzaw il-progress soċjali u l-ġid komuni.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg temmet tgħid li l-miżuri kollha tal-Budget li ser iwieżnu bil-kbir lill-familji, lill-pensjonanti, lill-istudenti u lin-negozji huma ċertifikat ieħor tal-kompetenza ekonomika u fiskali tal-Gvern