Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

04/10/2026 | Press release | Distributed by Public on 04/11/2026 01:35

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Jitħabbru żewġ proġetti ġodda fil-qalba ta’ Raħal Ġdid b’tisbiħ fil-pjazza prinċipali u dawl[...]

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ħabbar żewġ proġetti ġodda fil-qalba ta' Raħal Ġdid. Dawn il-proġetti huma parti minn viżjoni usa' ta' riġenerazzjoni u investiment f'din il-lokalità u se jinkludu t-tisbiħ tal-pjazza prinċipali kif ukoll sistema ġdida u moderna ta' dawl għall-Bażilika ta' Kristu Re.

Ix-xogħlijiet li diġà għaddejjin fil-pjazza prinċipali, jinkludu monument ġdid tal-Gran Mastru Antoine de Paule flimkien ma' plakka kommemorattiva fil-paviment li tfakkar l-400 sena mit-twaqqif ta' din il-lokalità u mapep tal-bronż li jissimbolizzaw l-iżvilupp ta' Raħal Ġdid matul is-snin. Barra minn hekk, ser jiġu restawrati l-funtani eżistenti u miżjuda elementi ġodda bħal siġar fi planters u bankijiet, biex il-pjazza tibqa' spazju ħaj għar-residenti u l-viżitaturi. Ix-xogħol fuq dan il-proġett diġà beda u miexi b'ritmu mgħaġġel.

Fl-istess waqt, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ser ikun qed joħroġ it-tender għal sistema ġdida ta' dawl għall-Bażilika ta' Kristu Re. Is-sistema ser tkun qed teżalta l-arkitettura tal-faċċati u l-koppla filwaqt li ttejjeb il-viżibbiltà minn diversi lokalitajiet. Is-sistema se tinkludi kontroll individwali tad-dawl b'għażliet differenti, inkluż dimming u xeni varji, li jistgħu jiġu kkontrollati permezz ta' tablet. Dan jippermetti flessibbiltà skont l-okkażjoni, mill-użu ta' kuljum kif ukoll għal festi u attivitajiet speċjali. Il-proġett tad-dawl huwa mistenni jieħu madwar 7 xhur biex jitlesta minn meta jibda x-xogħol, wara li jingħalaq il-proċess tat-tender.

Il-Ministru Chris Bonett qal li dawn il-proġetti ma jiġux f'iżolament, iżda huma kontinwazzjoni tax-xogħol estensiv li sar tul l-aħħar snin minn diversi entitajiet tal-istess Minist​eru. Fosthom hemm il-Ġnien Tony Bezzina, li diġà qed jitgawda mir-residenti, kif ukoll ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq Ġnien Pawlu Boffa u Ġnien Silvio Parnis, flimkien ma' diversi xogħol infrastrutturali f'toroq u bankini ġodda. Il-Ministru Bonett spjega kif, "Dawn iż-żewġ proġetti flimkien jammontaw għal investiment totali ta' aktar minn €1 miljun li flimkien max-xogħol li għaddej bħalissa f'diversi żoni ta' Raħal Ġdid, se jkomplu jagħtu l-importanza u d-dinjità li jixraqlu dan ir-raħal, il-Pawlisti u dawk kollha li jżuruh."

Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta' Raħal Ġdid Jason Silvio rringrazzja lill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi għax-xogħol li qiegħed isir f'Raħal Ġdid. Huwa spjega li l-proġett tal-pjazza se jkun qed isebbaħ din iż-żona popolari u jkompli jibni fuq il-proġetti li għaddejjin madwar ir-raħal kollu.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on April 10, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on April 11, 2026 at 07:35 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]