10/06/2025 | Press release | Distributed by Public on 10/07/2025 08:32
L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, ippreżenta r-Rapport imsemmi hawn fuq lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Dr Anġlu Farrugia, fejn enfasizza l-impenn tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) lejn azzjoni klimatika responsabbli. Għalhekk, dan l-Uffiċċju qed jikkontribwixxi għall-inizjattiva ClimateScanner, għodda internazzjonali żviluppata mill-Federal Court of Accounts tal-Brażil taħt l-awspiċi tal-International Organization of Supreme Audit Institutions (INTOSAI). Imfassal għall-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar, ClimateScanner jippermetti evalwazzjoni wiesgħa u indipendenti tal-azzjoni klimatika mill-aspetti ta' governanza, public policies u finanzi allokati għall-bidla fil-klima, skont kriterji maqbula fuq livell internazzjonali.
Din l-Analiżi, li tirrifletti s-sitwazzjoni ġenerali sa Settembru 2025, turi li Malta għamlet avvanzi fl-azzjoni klimatika. Dan l-istudju kkonferma mill-ġdid il-pedament sod għall-governanza tal-klima, bis-saħħa tal-Att fuq Azzjoni dwar il-Klima tal-2024. Dan il-qafas regolatorju jistabbilixxi wkoll tmexxija ta' livell għoli permezz tal-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima, tal-Kunsill Nazzjonali għalll-Azzjoni dwar il-Klima, kif ukoll tal-Koordinaturi Ministerjali għall-Azzjoni dwar il-Klima. Barra minn hekk, dawn qed jiġu sostnuti minn tfassil ta' policies ibbażati fuq ix-xjenza, involviment attiv tal-partijiet interessati, u komunikazzjoni trasparenti. Min-naħa l-oħra, filwaqt li s-sistemi ta' monitoraġġ huma stabbiliti, id-dejta rispettiva mhux dejjem tista' tintuża faċilment għat-tfassil tal-politika dwar l-azzjoni klimatika.
L-istrateġiji ta' Malta fuq l-azzjoni dwar il-klima jirriflettu l-impenji tal-Unjoni Ewropea (UE) kif ukoll dawk internazzjonali, li jinkludu azzjonijiet biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-Gassijiet Serra (GHGs). Il-pjanijiet settorjali għall-ġestjoni tal-ilma u tar-riskju t'għargħar spikkaw b'mod pożittiv. Dan minħabba li tali Pjanijiet huma kkaratterizzati minn miżuri għall-adattament għat-tibdil fil-klima li huma strutturati, b'involviment qawwi tal-partijiet interessati, u li huma appoġġjati minn inizjattivi ffinanzjati lokalment kif ukoll mill-UE. Madankollu, din l-Analiżi dwar azzjoni klimatika identifikat ukoll il-ħtieġa li tittejjeb il-kwalità tad-dejta u li jsir użu aħjar mill-metriċi tal-prestazzjoni, partikolarment fid-dawl tal-iżvilupp attwali ta' Pjan Nazzjonali ta' Adattament għall-bidla fil-klima aktar dettaljat.
Malta, minkejja l-ispeċifiċitajiet ġeografiċi tagħha u l-isfidi rispettivi, għandha rwol attiv fil-finanzjament internazzjonali għall-azzjoni klimatika, billi tappoġġja inizjattivi multilaterali bħall- għajnuna li tipprovdi lil Small Island Developing States (SIDSs). Din l-analiżi osservat spinta 'l quddiem fil-mobilizzazzjoni tal-finanzjament privat għall-klima, li jinkludi strumenti bħal skemi ta' adattament għall-bidla fil-klima, għotjiet, green bonds, u self għall-azzjoni klimatika. Ġie nnutat ukoll progress fl-isforzi biex jittejbu t-traċċar u r-rappurtar tal-finanzjament għall-azzjoni klimatika, li jinkludu sistemi biex jiġu kklassifikati d-dħul u l-infiq relatati mal-klima.
L-NAO tħeġġeġ lill-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima biex tagħmel l-aħjar użu possibbli mill-għarfien li joħroġ mill-ClimateScanner fl-oqsma ta' Governanza, Public Policies, u Finanzi, sabiex issostni l-azzjoni klimatika. Billi jaġixxi fuq ir-riżultati ta' dan ir-Rapport, il-Gvern jista' jsaħħaħ il-policies dwar il-klima, itejjeb il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, u jimmobilizza finanzjament pubbliku u privat suffiċjenti għal soċjetà aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima.
Ir-Rapport jista' jiġi aċċessat billi żżur il-website tagħna https://www.nao.gov.mt jew il-paġna ta' Facebook https://www.facebook.com/NAOMalta.