Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

11/06/2025 | Press release | Distributed by Public on 11/07/2025 11:27

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg jiltaqa’ mas-Segretarju tal-Affarijiet[...]

​​

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg iltaqa' ma' Rt Hon Yvette Cooper, is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin, tal-Commonwealth u tal-Iżvilupp tar-Renju Unit, sabiex jiddiskutu r-relazzjonijiet bilaterali u l-iżviluppi internazzjonali ta' interess komuni.

Dr Borg tenna l-importanza tal-ħbiberija fit-tul u tar-relazzjonijiet bilaterali b'saħħithom bejn iż-żewġ Nazzjonijiet, imsaħħa minn rabtiet storiċi, kulturali u familjari profondi. Huwa saħaq li "r-Renju Unit jibqa' pajjiż kruċjali għall-politika internazzjonali ta' Malta u għar-relazzjonijiet bilaterali tagħha, b'mod partikolari f'oqsma bħall-kummerċ, is-saħħa, is-sigurtà u oħrajn."

Il-kwistjonijiet reġjonali kienu wkoll fuq quddiem nett tal-aġenda, fosthom is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, u l-qagħda fil-Libja. Dr Borg tenna l-impenn ta' Malta fil-promozzjoni tad-djalogu u l-paċi fil-Lvant Nofsani u fakkar fir-rikonoxximent ta' Malta tal-Istat Palestinjan f' Settembru li għadda, bħala parti mill-appoġġ kostanti tagħha għal soluzzjoni ta' żewġ stati. Dr Borg afferma wkoll l-appoġġ kontinwu ta' Malta għas-sovranità tal-Ukrajna u għall-ħtieġa li tintrefa' responsabbiltà.

"Ġewwa Londra ltqajt mas-Segretarju għall-Affarijiet Barranin Cooper fejn iddiskutejna numru ta' temi - b'mod partikolari l-Ukrajna, il-qagħda fil-Lvant Nofsani u r-rikonoxximent ta' Malta tal-Istat tal-Palestina, kif ukoll l-isforzi komuni tagħna biex inkomplu nżommu l-paċi u niżguraw sitwazzjoni fejn iż-żewġ stati, l-Iżrael u l-Palestina, jgħixu ħdejn xulxin fis-sigurtà u b'rispett reċiproku," qal Dr Borg.

Iż-żewġ Ministri enfasizzaw ukoll l-importanza li tibqa' tingħata l-attenzjoni lill-Libja kif ukoll ir-reġjun tal-Mediterran, li huma ta' importanza strateġika kemm għal Malta kif ukoll għall- Ewropa.

Id-Deputat Prim Ministru temm billi tenna l-impenn ta' Malta sabiex tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni mar-Renju Unit fuq kull livell kemm politiku, ekonomiku, kulturali u soċjali, kemm mill-att bilaterali kif ukoll dak multilaterali.

​​

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on November 06, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on November 07, 2025 at 17:27 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]