Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

11/10/2025 | Press release | Distributed by Public on 11/11/2025 13:36

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Inawgurat il-mafkar f’ġieħ l-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici fi Pjazza Kastilja

​​

• Il-Prim Ministru Robert Abela jinnota l-legat li ħalla Karmenu Mifsud Bonnici u li għadna ngħixuh sal-lum

Fi Pjazza Kastilja, ġie inawgurat il-mafkar f'ġieħ l-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici. F'ċerimonja li saret, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif Karmenu Mifsud Bonnici kien avukat u politiku li dejjem ħaddan il-valuri tal-ġustizzja soċjali, l-integrità u l-umiltà. Qal li Karmenu Mifsud Bonnici tana l-aqwa ħaġa, ħinu. Spjega kif id-disponibbiltà tiegħu għan-nies kienet xi ħaġa li taffaxxinak. Fisser ukoll kemm kien vuċi b'saħħitha għall-ħaddiema.

Il-mafkar li jfakkar dan il-personaġġ fl-istorja politika Maltija inħadem fl-Italja b'kollaborazzjoni bejn Heritage Malta u l-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, taħt l-awspiċi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Iddisinjat mill-artist Malti Manuel Farrugia, il-mafkar jikkonsisti f'pedestall tal-ġebla tal-qawwi ta' Malta u statwa tal-bronż. Dan il-monument realista u kontemporanju juri lil Karmenu Mifsud Bonnici għall-persuna li verament kien, persuna li kien iddedikat għax-xogħol, qrib in-nies u dejjem lest li jisma' dak li jkollu xi jgħid ħaddieħor. Il-mafkar mhux biss qed iservi ta' tifkira tal-eks Prim Ministru Mifsud Bonnici iżda huwa punt ta' referenza għal figura oħra importanti fl-istorja politika ta' Malta.

F'ċerimonja li fakkret lil dan il-persunaġġ u l-istorja ta' pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-wirt li ħalla Karmenu Mifsud Bonnici għadna ngħixuh u ngawduh sal-ġurnata tal-lum. "Bħala politiku kien jaħseb fil-ġejjieni. Kien formidabbli fi ħsiebu u tant ried li jasal, li fi żmien ta' żviluppi politiċi li kienu għaddejjin, huwa insista u rnexxielu jdaħħal il-prinċipju tan-newtralità flimkien mal-bidla oħra li għadna ngħixuha sal-lum, li r-rieda tal-maġġoranza tal-poplu tkun suprema, emenda legali li biha saħħaħ id-demokrazija u ġab stabbiltà", saħaq il-Prim Ministru.

Dr Abela qal li għal Karmenu Mifsud Bonnici, Malta ma kinitx gżira żgħira iżda parti minn realtà akbar, dik tal-Mediterran. Għalih kien hemm dinja waħda ta' popli differenti li għandhom ikunu ħielsa u jagħżlu b'mod ħieles min imexxihom b'sistemi politiċi u soċjali li jagħżlu huma.

"Meta ġie biex idaħħal il-prinċipju tan-newtralità saħaq ukoll li f'kwistjonijiet li jqumu bejn pajjiżi għandna nfittxu mezzi speċifiċi. Dan għadu relevanti sal-ġurnata tal-lum", qal il-Prim Ministru hu u jisħaq fuq dan il-legat li ħalla l-eks Prim Ministru Malti Mifsud Bonnici.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici rrimarka li ma kienx hemm Karmenu tal-politika, Karmenu tal-avukatura u Karmenu bħala l-persuna privata, iżda kien hemm biss Karmenu wieħed, awtentiku, ir-raġel li ta qalbu għall-ħaddiem u għal pajjiżna.

Il-Ministru Bonnici ddeskriva lil Karmenu Mifsud Bonnici bħala ġentlom, bniedem ta' prinċipju u li ma dak li hu sewwa, u ġust, qatt ma għamel kompromessi. Huwa qal illi lil Mifsud Bonnici l-flus qatt ma għamlu bih, tant li bħala avukat, Karmenu kien iħenn ħafna mal-klijent, filwaqt illi lil studenti fil-bżonn, li kien jgħallem fl-Università, kien saħansitra jaqsam magħhom id-dħul li kellu mill-Università. Qal ukoll illi dan il-monument huwa l-inqas ħaġa li l-Istat Malti jista' jagħmel f'ġieħ ġentlom li ta kollox għal Malta li tant ħabb.

Iċ-Chairman ta' Heritage Malta Mario Cutajar qal li l-ġentilezza, l-umanità u l-umiltà ta' Karmenu Mifsud Bonnici huma magħrufa u rikonoxxuti. Mhux daqstant il-legat politiku, legali u intellettwali tiegħu. Dak li ħalla warajh dal-persunaġġ għadna ngħixuh sal-lum fid-demokrazija stabbli li ngħixu u fis-sliem li ngawdu minkejja dak li qed iseħħ madwarna. Il-monumenti nazzjonali li jaqgħu wkoll fir-responsabbiltà ta' Heritage Malta għandhom iservu, bħalma din l-aġenzija trid il-mużewijiet u s-siti tagħha li jservu, bħala tfakkira tal-esperjenzi ta' dan il-poplu biex nagħrfu iktar lilna nfusna u nħarsu 'l quddiem b'iktar fiduċja.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on November 10, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on November 11, 2025 at 19:36 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]