Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

01/20/2026 | Press release | Distributed by Public on 01/21/2026 11:09

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Akkademja Ewropea tal-Liġi (ERA) jorganizzaw seminars dwar[...]




Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, flimkien mal-Akkademja Ewropea tal-Liġi (ERA), organizza żewġ seminars ta' livell għoli ffukati fuq id-drittijiet proċedurali tat-tfal fl-Ewropa u fuq l-użu responsabbli u trasparenti tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) fis-sistema tal-ġustizzja.

L-ewwel seminar ġab flimkien membri tal-ġudikatura, medjaturi, avukati għat-tfal u professjonisti legali sabiex jiddiskutu standards li qed jinħolqu u prattiċi tajbin fil-qasam tal-ġustizzja adattata għat-tfal. Dan is-seminar jifforma parti mill-programm usa' ta' riformi tal-Ministeru, fosthom ir-ristrutturar li jmiss tal-Qorti tal-Familja, waħda mir-riformi l-aktar sostanzjali f'pajjiżna f'dawn l-aħħar snin.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, tenna li r-riformi ta' Malta qed ipoġġu lit-tfal fiċ-ċentru tal-proċeduri. "It-tfal mhumiex aċċessorji fil-proċeduri. Huma detenturi tad-drittijiet. Jistħoqqilhom protezzjoni, li jinstemgħu u li jingħataw l-appoġġ meħtieġ. Is-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħhom mhijiex sempliċiment pass amministrattiv, iżda l-pedament etiku ta' sistema tal-ġustizzja moderna, umana u trasparenti li tirrispondi b'mod ġenwin għall-ħtiġijiet tal-familji," stqarr il-Ministru Attard.

Dr Attard irrefera għar-rwol ta' Malta fuq livell Ewropew u semma l-Konferenza riċenti organizzata f'Malta dwar 'l-Aħjar Interess tat-Tfal' taħt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa. Huwa sostna li dawn l-inizjattivi juru l-impenn ta' Malta li tfassal politika Ewropea bbażata fuq id-drittijiet tat-tfal, il-parteċipazzjoni u prattiċi bbażata fuq l-evidenza.

Fit-tieni jum is-seminar ffoka fuq l-Intelliġenza Artifiċjali fis-sistema tal-ġustizzja, u eżamina l-opportunitajiet u l-isfidi li joħorġu mit-trasformazzjoni diġitali tas-settur tal-Ġustizzja. Il-programm indirizza l-bażi tal-AI, il-linji gwida tal-UE dwar Intelligenza Artifiċjali responsabbli u ta' fiduċja, kif ukoll applikazzjonijiet prattiċi fil-proċessi tad-dokumenti, il-ġestjoni tal-każijiet, il-protezzjoni tad-data, l-etika u s-superviżjoni umana.

Il-Ministru Attard qal li l-approċċ ta' Malta lejn l-AI huwa msejjes fuq trasparenza, kontabbiltà u rispett għad-drittijiet fundamentali. "L-AI qatt ma tissostitwixxi l-ġudizzju uman, imma tappoġġjah. It-teknoloġija trid tgħinna nwasslu ġustizzja aktar effiċjenti, aktar aċċessibbli u aktar ta' min jafdaha, mingħajr ma qatt nissagrifikaw il-ġustizzja, id-dinjità jew is-saltna tad-dritt. L-innovazzjoni qatt m'għandha tmur lil hinn mill-valuri tagħna."

Il-Ministru għamel referenza għall-investimenti li għaddejjin taħt il-Malta Digital Justice Strategy, fosthom sistemi tal-awdjo mtejba fil-qrati, konnettività diġitali msaħħa, għodod għall-ipproċessar tad-dokumenti u l-introduzzjoni tal-Court Information Management System.

Dr Attard enfasizza wkoll ir-rwol ċentrali tal-iżvilupp professjonali u l-koperazzjoni internazzjonali. "Ebda riforma mhijiex iktar b'saħħitha min-nies li jwettquha. It-taħriġ kontinwu u l-kollaborazzjoni mal-imsieħba Ewropej huma essenzjali biex niżguraw li l-professjonisti tagħna jkollhom l-għodod u l-għarfien meħtieġ f'ambjent li qed jevolvi b'ritmu mgħaġġel," sostna l-Ministru Attard.

Il-Ministru rringrazzja lill-esperti tal-ERA, lill-professjonisti li ħadu sehem u lill-ħaddiema tal-Ministeru għall-ħidma tagħhom matul iż-żewġ avvenimenti. "Kemm jekk qed nitkellmu dwar id-drittijiet tat-tfal jew dwar ir-rwol tat-teknoloġija, l-għan jibqa' l-istess: ġustizzja li tisma' aħjar, tipproteġi aħjar u tiddeċiedi aħjar," temm jgħid il-Ministru Attard.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on January 20, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on January 21, 2026 at 17:09 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]