Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

04/23/2026 | Press release | Distributed by Public on 04/24/2026 09:17

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa mal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea f’Ċipru


  • Diskussi l-isfidi ġeopolitiċi u ekonomiċi li qed iġibu magħhom il-gwerer fl-Iran, il-Lvant u l-Ukrajna

F'laqgħa li fiha l-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa fil-laqgħa informali tal-Mexxejja Ewropej ġewwa Ċipru, huwa qal li Malta se tkompli timplimenta miżuri biex tħares kontra ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, filwaqt li tiżgura l-provvista stabbli u konnettività adegwata. Saħaq li, filwaqt li l-Unjoni Ewropea trid tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha fis-settur tal-enerġija, huwa essenzjali li l-miżuri Ewropej ikunu flessibbli u jirriflettu r-realtajiet differenti tal-Istati Membri, b'mod partikolari dawk gżejjer u periferali, sabiex ikun hemm bilanċ bejn l-ambizzjoni klimatika, il-kompetittività u l-protezzjoni tal-konsumaturi.

F'Ċipru, il-pajjiż li bħalissa għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f'idejh, is-Summit beda b'diskussjoni dwar l-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna, b'indirizz mill-President Volodymyr Zelensky. Hawnhekk il-Prim Ministru Malti tenna s-solidarjetà ta' Malta mal-poplu Ukren waqt li fakkar il-ħtieġa li l-istati membri jkomplu jinkoraġġixxu diskussjonijiet diplomatiċi biex tintemm din il-gwerra. "L-Unjoni Ewropea trid tibqa' magħquda, iżżomm pressjoni fuq ir-Russja, u tagħti appoġġ sostnut lill-Ukrajna, b'mod f'waqtu u prevedibbli, filwaqt li nibqgħu nappoġġjaw kull sforz diplomatiku internazzjonali biex tintemm din il-gwerra," żied jgħid il-Prim Ministru.

Il-mexxejja ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u l-impatt tagħha fuq is-sigurtà u l-ekonomija Ewropea, inkluż il-prezzijiet tal-enerġija u l-konnettività. F'dan il-kuntest, il-Prim Ministru enfasizza li l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija tibqa' prijorità ċentrali għall-Gvern Malti, sabiex jiġu protetti l-familji u n-negozji minn xokkijiet esterni.

Il-mexxejja kellhom ukoll opportunità li jieħdu kont tal-progress tan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) għall-perjodu 2028-2034. Il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza tal-Politika ta' Koeżjoni u l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati r-realtajiet speċifiċi ta' Stati Membri żgħar u periferali, filwaqt li enfasizza li l-finanzjament Ewropew għandu jkompli jappoġġja miżuri li jsaħħu r-reżiljenza ekonomika u jtaffu l-impatt tal-prezzijiet tal-enerġija fuq iċ-ċittadini u n-negozji. Huwa tkellem ukoll dwar l-aċċessibbiltà tal-flus marbuta mat-tisħiħ tal-kompetittività, u saħaq li għandu jkun assigurat li l-kundizzjonijiet marbuta ma' dawn il-fondi jippermettu li jkun hemm parteċipazzjoni wiesgħa sabiex kull Stat Membru jgawdi minn dawn il-fondi.

Aktar tard matul il-jum, il-mexxejja kellhom ukoll diskussjoni ma' msieħba reġjonali dwar l-iżviluppi fil-Lvant Nofsani, fosthom il-Ġordan, il-Libanu, l-Eġittu, is-Sirja u kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf. Id-diskussjoni ffukat fuq l-opportunitajiet ta' kooperazzjoni għall-istabbiltà fir-reġjun, b'enfasi fuq il-ħtieġa ta' deeskalazzjoni, djalogu u rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali.​

Din il-laqgħa saret f'mument kruċjali għall-aġenda tal-Unjoni Ewropea, fejn il-mexxejja kkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom fl-isfond ta' diversi sfidi internazzjonali, filwaqt li ingħatat direzzjoni politika għal deċiżjonijiet strateġiċi importanti li jaffettwaw il-futur tal-Unjoni Ewropea.

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on April 23, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on April 24, 2026 at 15:17 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]