Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

12/14/2025 | Press release | Distributed by Public on 12/15/2025 08:21

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa’ mal-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV

Matul il-jum tat-Tnejn, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa' mal-Qdusija Tiegħu, il-Papa Ljun XIV, fil-librerija tal-Palazz Apostoliku fil-Vatikan. Din iż-żjara qed tikkommemora s-60 sena anniversarju mit-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u s-Santa Sede.

It-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u s-Santa Sede, fil-15 ta' Diċembru 1965, jirrifletti l-valuri ta' pajjiżna u r-rispett reċiproku bejn is-Santa Sede u Malta, ibbażat fuq il-prinċipji komuni tagħna tal-paċi u d-dinjità tal-bniedem.

Matul il-laqgħa, il-Papa u l-Prim Ministru Robert Abela rrikonoxxew ir-relazzjonijiet b'saħħithom bejn iż-żewġ naħat ibbażata fuq valuri komuni u impenn lejn il-ġid komuni.

"Malta tibqa' impenjata li ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mas-Santa Sede, ibbażata fuq rispett reċiproku, valuri kondiviżi, u viżjoni komuni għad-dinjità tal-bniedem," sostna Dr Abela.

Huma ddiskutew ukoll diversi temi fosthom il-ħidma favur il-paċi fi żmien ta' sfidi ġeo-politiċi, kif ukoll dwar id-drittijiet ċivili, it-tibdil fil-klima u fuq il-bżonn ta' soluzzjoni globali fir-rigward tal-isfida tal-immigrazzjoni.

"Is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża għadha waħda kritika ħafna. Malta tappoġġja l-isforzi kollha li jippermettu aċċess bla xkiel għall-għajnuna umanitarja, kif ukoll il-protezzjoni tan-nies, f'konformità ukoll mal-liġijiet internazzjonali. Hekk kif Malta rrikonoxxiet l-Istat tal-Palestina, issa inħarsu 'l quddiem għat-twettiq tas-soluzzjoni ta' żewġ stati, fejn l-Iżrael u l-Palestina jgħixu ħdejn xulxin fil-paċi," sostna l-Prim Ministru Abela.

Fi tmiem il-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta lill-Qdusija Tiegħu l-Papa b'pittura bi xbiha ta' Santu Wistin, impittra mill-artist John Martin Borg. Fl-isfond tal-pittura tidher il-Knisja Agostinjana ta' San Mark u l-kunvent tal-patrijiet Agostinjani li jinsabu fir-Rabat Malta. Dan jirrappreżenta l-Knisja universali. Dr Abela ppreżenta wkoll rigali artiġġjanali magħmulin minn prodotti Għawdxin.

Matul iż-żjara fil-Vatikan, il-Prim Ministru kellu wkoll diskussjonijiet mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, l-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Pietro Parolin, fejn kien akkumpanjat ukoll mill-Ambaxxatur ta' Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on December 14, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on December 15, 2025 at 14:22 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]