11/05/2025 | Press release | Distributed by Public on 11/06/2025 05:40
Waqt ċerimonja, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia għadda karozza mogħtija lilu minn benefattur lill-Isptar Mater Dei, fejn ser tgħin numru ta' pazjenti li jkunu jeħtieġu trasport biex jattendu għal kura u dijalisi tagħhom.
Ġie spjegat kif wara konsultazzjoni bejn l-Ispeaker Anġlu Farrugia u l-Ministru Jo Etienne Abela, ġie deċiż li l-aħjar użu jkun dak li din il-vettura toffri għajnuna lil min hu fil-bżonn. Għalhekk ġie determinat li din il-vettura tkun iddedikata għall-persuni li jbatu mid-dijalisi jew minn kundizzjonijiet mediċi simili li jeħtieġu kura regolari u trasport speċjali.
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati esprima s-sens ta' gratitudni u solidarjetà tiegħu waqt li ppreżenta vettura li se tkun qed tintuża għas-servizz tal-pazjenti li jeħtieġu kura u trasport speċjali. Huwa qal li dan il-ġest jirrappreżenta x-xewqa li l-awtorità titqiegħed fis-servizz tal-bniedem.
"Inħossni verament onorat li nkun parteċipi f'dan il-mument ta' servizz u solidarjetà. Din mhix biss preżentazzjoni ta' vettura, imma ġest ta' mħabba lejn il-bniedem u lejn il-ġid komuni", temm jgħid l-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Stephen Spiteri, qal li din l-inizjattiva se tgħin b'mod konkret lill-pazjenti tad-dijalisi, u tenna l-importanza li dawn il-persuni jingħataw kull għajnuna possibbli biex jiffaċilitaw il-vjaġġ tagħhom għall-kura regolari.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal kif id-donazzjoni ta' din il-vettura huwa ġest sabiħ li ser ikun qed jgħin mijiet ta' pazjenti jiffaċilita t-traġitt tagħhom minn u lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura tagħhom.
"Nirringrazzja lid-donatur ta' dan il-ġest nobbli u lill-Ispeaker Anġlu Farrugia li ressaq din l-idea u flimkien rajna l-ġid li jista' jsir favur il-pazjent," temm jgħid Dr Abela.