Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

02/21/2026 | Press release | Distributed by Public on 02/22/2026 04:13

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Aktar minn 192,000 turist barrani żaru Għawdex fl-2025 - Għawdex ikompli jissaħħaħ bħala destinazzjoni għal matul is-sena kollha

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri laqa' b'sodisfazzjon l-istatistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li turi andament turistiku pożittiv u sostenibbli f'Għawdex matul is-sena 2025. F'Għawdex, l-ammont ta' turisti barranin li qattgħu lejl jew aktar fil-gżira laħaq 192,021, żieda ta' 7% fuq is-sena 2024.

Il-Ministru Camilleri stqarr li, "Huwa inkoraġġanti ħafna li naraw żieda konsistenti fl-ammont ta' turisti barranin li ġew Għawdex, b'distribuzzjoni bilanċjata matul l-istaġuni kollha tas-sena. Dawn ir-riżultati jikkonfermaw li l-istrateġija tal-Gvern li jippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni għat-turiżmu matul is-sena kollha qed tagħti l-frott tagħha".

Fil-fatt, wara li fl-2024 Għawdex esperjenza żiedet marġinali fis-sajf, bix-xhur l-oħra jżidu b'rati għoljin. Dan l-andament reġa' ġie replikat fis-sena 2025. Id-distribuzzjoni tat-turisti barranin matul l-istaġuni kien wieħed bilanċjat ferm hekk kif is-sajf ospita 37%, ir-rebbiegħa ospitat 27%, il-ħarifa ospitat 26% u x-xitwa ospitat 10% mit-total ta' turisti li żaru is-sena l-oħra. Filwaqt li n-numri fis-sajf jibqgħu l-ogħla, kien ix-xahar t'Ottubru li rreġistra l-akbar ammont ta' viżitaturi barranin, filwaqt li Diċembru rreġistra l-akbar rata ta' żieda. Kull staġun matul is-sena 2025 kellu żiedet fuq is-sena ta' qabel, bil-ħarifa tara żieda ta' 22%, ix-xitwa żieda ta' 11%, ir-rebbiegħa 2%, u s-sajf 1%.

Fl-istess waqt, fejn għandha x'taqsam akkomodazzjoni kollettiva, l-andament skont l-aħħar statistika uffiċjali li tinkludi turiżmu li ġej mis-suq barrani u domestiku juri żieda ta' 22% fuq is-sena ta' qabel, b'kull xahar jirreġistra żidiet relattivi.

Il-Ministru Camilleri fakkar li l-konnettività bejn Malta u Għawdex kompliet titjieb u dan jirrifletti wkoll fiż-żidiet li qed naraw. Matul is-sena 2025, kien hemm 'il fuq minn 46,000 traġitt bejn il-gżejjer, jew 1,700 aktar mis-sena ta' qabel. Dan ifisser medja ta' 126 traġitt kuljum. Barra minn hekk, attribwixxa wkoll il-fatt li l-Ministeru qed ikompli jinvesti bis-sħiħ fl-attività kulturali tal-gżira. Fil-fatt, matul is-sena l-oħra, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ta s-sostenn lil 326 attività kulturali, fattur li qed jagħti valur miżjud lil kull min jagħżel lil Għawdex bħala d-destinazzjoni tiegħu.

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri temm jgħid li minkejja dan, nifhmu li din l-attività li għaddejja ġġib l-isfidi wkoll, u dan il-Gvern jibqa' kommess li jimmira għal aktar konnettività b'saħħitha. Kien għalhekk li matul il-ġimgħat li għaddew tħabbru żewġ vapuri ġodda li ser ikunu qed joperaw fl-2029 b'investiment ta' madwar €130 miljun. Ma' dan ukoll tħabbar task force li se janalizza u jagħmel skrutinju tal-kapaċitajiet infrastrutturali tal-Port tal-Mġarr.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on February 21, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on February 22, 2026 at 10:13 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]