04/22/2026 | Press release | Distributed by Public on 04/23/2026 06:50
Proġett ta' tisbiħ fil-Knisja parrokkjali tal-Fgura ser ikun qed iwassal għat-tibdil tal-art għall-irħam kif ukoll l-installazzjoni ta' sistema moderna u effiċjenti ta' arja kkundizzjonata.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri li tenna li dan huwa investiment ieħor fil-familji u l-komunitajiet tagħna.
Il-Ministru spjega li dan il-proġett huwa riflessjoni ċara tal-impenn tal-Gvern biex ikompli jinvesti f'dawk l-ispazji li għandhom valur soċjali u komunitarju, bil-Knisja hija simbolu ta' għaqda u ta' identità Maltija u huwa għalhekk li bħala Gvern qed jinvestu biex ikunu aktar adegwati għan-nies li jinġabru fihom ta' kuljum.
Min-naħa tiegħu, il-Kappillan tal-Parroċċa, Fr Raymond Calleja, esprima r-ringrazzjament tiegħu lill-Ministeru għall-appoġġ u l-fondi allokati, li permezz tagħhom ser ikun jista' jitwettaq dan il-proġett tant meħtieġ.
"Dawn ix-xogħlijiet kienu meħtieġa minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi li matul is-snin affettwaw l-istruttura u l-kumdità tal-knisja. Permezz ta' dan l-investiment, il-knisja issa ser tkun aktar adegwata u denja biex tkompli tilqa' lill-parruċċani u sservi bħala spazju ta' ġabra u qima għall-komunità kollha," ikkonkluda Fr Calleja.