Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

03/28/2026 | Press release | Distributed by Public on 03/29/2026 04:08

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Imniedi uffiċjalment Food Truck għall-promozzjoni ta’ ħut lokali


Wara t-tnedija tal-kampanja nazzjonali "Skopri l-Varjetà, Kul Ħut Sostenibbli", is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, nediet kiosk iddedikat għall-promozzjoni ta' ħut lokali li mhux daqstant popolari mal-konsumatur.

Din l-inizjattiva qed titmexxa flimkien mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, bħala parti mill-isforzi kontinwi biex jiżdied l-għarfien dwar il-varjetà ta' ħut li jinsab fil-baħar Malti u biex jiġi mħeġġeġ konsum aktar sostenibbli.

Permezz ta' dan il-food truck, li se tkun preżenti f'Marsaxlokk kull nhar ta' Ħadd, il-pubbliku se jkollu l-opportunità jiskopri u jduq ħut frisk maqbud mis-sajjieda, b'enfasi fuq speċi mhux daqstant popolari iżda ta' kwalità għolja.

Il-food truck se toffri wkoll spazju ta' informazzjoni u edukazzjoni fejn dawk li jżuruha jistgħu jitkellmu ma' esperti fis-settur, jitgħallmu aktar dwar dawn l-ispeċi u jifhmu aħjar il-benefiċċji nutrizzjonali u ambjentali tal-konsum ta' ħut lokali.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said enfasizzat l-importanza li jiġi appoġġat is-settur tas-sajd lokali.

"Meta nagħżlu li nieklu ħut lokali, inkunu qed nappoġġaw direttament lis-sajjieda tagħna. Din l-inizjattiva tgħin biex inżidu d-domanda għal speċi differenti ta' ħut li apparti hu sustanzjuż hu wkoll affordabli. Fl-istess ħin nibnu futur aktar sostenibbli għall-baħar tagħna," qalet Bugeja Said.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur għas-Servizzi Dennis Sciberras spjega li din il-vettura se tkun mezz effettiv ta' edukazzjoni, b'mod partikolari fost it-tfal u l-familji, fejn se tkun qed tħeġġeġ konsum aktar varjat u b'saħħtu.

Din l-inizjattiva hija wegħda elettorali oħra li twettqet u hija appoġġata permezz tal-Programm Ewropew għall-Akwakultura, is-Sajd u l-Affarijiet Marittimi (EMFAF), li għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ is-settur tas-sajd u jippromwovi prattiċi sostenibbli.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on March 28, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on March 29, 2026 at 10:08 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]