Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

11/01/2025 | Press release | Distributed by Public on 11/02/2025 02:20

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI Proprjetà pubblika mogħtija b’titolu ta’ kera lill-Breeds of Origin Conservancy sabiex tintuża bħala sit[...]


Proprjetà pubblika li hija taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet ġiet trasferita b'titolu ta' kera għal ħmistax-il sena, lill-għaqda nongovernattiva Breeds of Origin Conservancy sabiex tintuża bħala sit ċentrali għar-riċerka, ir-riġenerazzjoni u l-konservazzjoni ta' patrimonju kulturali intanġibbli marbut ma' bhejjem indiġeni. Il-proprjetà tinsab fi Triq Delimara fil-limiti ta' Marsaxlokk.

Permezz ta' dan it-trasferiment, din l-art f'Delimara, se tgħaqqad ir-riċerka xjentifika, il-prinċipji ta' rewilding u l-protezzjoni tal-wirt kulturali, bil-għan li jiġi żgurat il-protezzjoni u l-ħarsien fit-tul ta' bhejjem indiġeni u varjetajiet Maltin, flimkien mat-tradizzjonijiet marbuta mat-trobbija tal-bhejjem, fosthom il-prattika tar-ragħa, meqjusa bħala wirt intanġibbli.

Fil-qalba tal-proġett hemm ir-rikonoxximent tal-wirt kulturali ħaj ta' pajjiżna, li jinkludi elementi kemm tanġibbli u intanġibbli, fosthom r-raħħal, il-bhejjem indiġeni, b'mod speċjali l-mogħża Maltija.

Il-Ministru Bonnici qal li dan il-proġett huwa pass sinifikanti biex inħarsu dak li jagħmel lil pajjiżna uniku, ir-razzez, it-tradizzjonijiet u aspetti intanġibbli oħra ta' wirt pajjiżna. Huwa spjega li dan it-trasferiment se jgħaqqad ir-riċerka mal-kultura, billi tippreserva mhux biss il-wirt naturali tagħna, iżda wkoll teżori ħajjin li jirrappreżentaw il-ħajja u l-istorja tal-poplu Malti.

Dan il-proġett, qal il-Ministru, jassigura futur fejn il-wirt intanġibbli tagħna jibqa' jgħix, jitgawda u jispira lil oħrajn.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella qal li l-Awtorità tirċievi bosta talbiet ta' natura differenti, iżda din kienet waħda mhux tas-soltu, żona ddedikata għall-konservazzjoni tal-annimali. Huwa saħaq li dan il-proġett huwa ta' sodisfazzjon kbir għall-Awtorità, speċjalment meta tara l-passjoni li turi l-Breeds of Origin Conservancy fix-xogħol li twettaq. Is-Sur Vella awgura wkoll li l-Breeds of Origin Conservancy tkompli b'din l-inizjattiva b'suċċess u b'benefiċċju għall-komunità kollha.

Darryl Grech, fundatur tal-għaqda volontarja Breeds of Origin Conservancy, qal "Jekk ngħarblu l-istorja ta' pajjiżna u nirriflettu ftit x'inhu l-vera Patrimonju Malti li sawwar l-identità tagħna, ir-raħħal, il-mogħża Maltija u t-tradizzjonijiet marbuta maż-żamma tal-bhejjem, fosthom il-prattika tar-ragħa, faċli nintebħu li dawn jidħlu feles bħala wirt kulturali u intanġibbli ħaj ta' pajjiżna. Dawn illum qed jiġu indukrati biex ikomplu jiġu mħarsa."

It-trasferiment ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella u Darryl Grech fil-kapaċità tiegħu bħala Fundatur tal-għaqda governattiva.


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on November 01, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on November 02, 2025 at 08:20 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]