Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

04/16/2026 | Press release | Distributed by Public on 04/17/2026 02:52

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg f’laqgħa bilaterali mal-Ministru Franċiż[...]


Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Ewropa u l-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Franċiża, Jean-Noël Barrot, f'Pariġi.

Iż-żewġ naħat affermaw ir-relazzjoni b'saħħitha u storika bejn Malta u Franza, filwaqt li enfasizzaw ir-rispett reċiproku li jikkaratterizza r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi u l-impenn komuni tagħhom li jkomplu jsaħħu l-kooperazzjoni bilaterali fi ħdan l-Unjoni Ewropeja u f'fora multilaterali.

Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq żviluppi ewlenin reġjonali u globali, inkluż il-gwerra ta' aggressjoni Russa fl-Ukrajna, il-Lvant Nofsani u s-sitwazzjoni fil-Libja. Malta tenniet is-sejħa konsistenti tagħha għad-de-eskalazzjoni u paċi ġusta u sostenibbli, filwaqt li enfasizzat in-newtralità kostituzzjonali tagħha.

"Malta u Franza jgawdu minn relazzjoni mibnija fuq fiduċja, rispett reċiproku u impenn komuni lejn il-multilateraliżmu. F'dan il-kuntest ġeopolitiku kumpless, id-djalogu kontinwu huwa essenzjali biex inkomplu nsaħħu l-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità," qal Dr Borg.

Iż-żewġ ministri ddiskutew ukoll dwar żviluppi riċenti fl-Ewropa, inkluż ir-riżultat elettorali fl-Ungerija, filwaqt li enfasizzaw l-importanza tal-istabbiltà demokratika u l-ħtieġa ta' impenn kontinwu fi ħdan il-qafas Ewropew.

Il-prijoritajiet Ewropej, inkluż l-enerġija u s-sovranità Ewropeja, kienu wkoll prominenti fid-diskussjonijiet, fejn iż-żewġ naħat saħqu fuq l-importanza tal-għaqda u kooperazzjoni effettiva fi ħdan l-UE.

Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll il-kooperazzjoni fuq livell multilaterali, inkluż fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda.

Dr Borg enfasizza dwar l-irwol ta' Malta bħala wieħed mill-akbar reġistri marittimi fid-dinja, fejn id-diskussjonijiet indirizzaw is-sigurtà marittima, l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet, u l-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn l-infurzar u l-obbligi internazzjonali relatati mas-sigurtà fuq il-baħar u l-protezzjoni ambjentali.

"Spjegajt il-pożizzjoni ta' Malta dwar kwistjonijiet marittimi, li huma ta' importanza strateġika għal pajjiżna. Bħala wieħed mill-akbar reġistri marittimi fid-dinja, huwa essenzjali li l-qafas internazzjonali jibqa' effettiv filwaqt li jiżgura ċertezza legali u jippermetti lill-operaturi jwettqu l-obbligi tagħhom," temm jgħid Dr Borg.

Ritratti (ODPM-MFT)


Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on April 16, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on April 17, 2026 at 08:52 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]