09/18/2025 | Press release | Distributed by Public on 09/19/2025 08:53
Il-ħidma tal-Pulizija Maltija ser tkompli tissaħħaħ bit-twettiq tal-istrateġija ppubblikata llum Safer Communities, Smarter Policing li ser tiddirezzjona l-ħidma tal-Pulizija fuq il-ħames snin li ġejjin. Maqsuma fuq tliet prinċipji: Is-Sigurtà Pubblika, il-Leġittimità tal-Pulizija u l-Evoluzzjoni fil-Ħidma, it-tħaddim ta' din l-istrateġija ser jibni fuq ir-riżultati ta' strateġija ta' trasformazzjoni li tħabbret ħames snin ilu. Minkejja li kienet waħda ambizzjuża, illum il-Korp tal-Pulizija għandu l-kredibbiltà li jwettaqha għaliex akkumpanjat bl-investiment mill-Gvern, il-miri li dakinhar tpoġġew quddiem il-pubbliku, intlaħqu.
Fil-fatt, matul dawn il-ħames snin żdiedet il-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija, ssaħħet l-effiċjenza u l-effettività. Riżultati li gawdew minnhom il-familji, bir-rata ta' kriminalità per capita fl-aħħar 20 sena niżlet minn 46 reat għal kull elf persuna għal 30 fl-2024. B'Malta llum hija wieħed mill-aktar għaxar pajjiżi siguri fid-dinja. Kisbiet li huma wkoll frott il-ħidma ta' dawk li kuljum jilbsu l-uniformi u jservu lil pajjiżna - Pulizija aktar motivati u kburin kif anke jikkonferma stħarriġ intern tal-Pulizija, b'89% tal-membri huma kburin li jagħmlu parti mill-Korp u 74% motivati li jservu l-pubbliku. B'pajjiżna llum mhux biss għandu l-akbar ammont ta' membri fil-Korp imma huwa wkoll garanzija tal-aqwa kundizzjonijiet li qatt kellhom l-uffiċjali.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri ta erba' eżempji li jissimbolizzaw il-ħsieb wara dak li twettaq. Huwa tenna kif kien dan il-Gvern li kellu l-kuraġġ jitlaq minn idejh il-poter assolut li jaħtar waħdu l-Kummissarju tal-Pulizija. "Dan kien ħsieb rifless ukoll fit-trasformazzjoni li wettaqna u li provdiet għal proċessi ferm iktar ċari u trasparenti fi ħdan il-korp stess. Il-ħidma biex frixna mal-pajjiż kollu l-kunċett tal-pulizija tal-komunità." Il-Ministru sostna li kien jeħtieġ il-kuraġġ u l-konvinzjoni biex nibqgħu nimbottaw it-twemmin li rridu iktar pulizija fit-toroq u l-bilanċ ta' min hu fit-triq u min jinsab f'għassa. Fl-istess ħin li xorta waħda żdiedet bil-kbir il-preżenza ta' binjiet tal-korp tal-pulizija miftuħa u li joperaw tal-korp fil-lokalitajiet, inkluż dawk speċjalizzati.
Il-Ministru rrefera wkoll għal taqsimiet iktar iffokati li pajjiżna qatt ma kellu bħalhom qabel, fosthom dawk kontra l-vjolenza domestika u r-road policing unit. Ikkumplimentati mill-introduzzjoni ta' għodda ġdida bħal body cams li filwaqt li żiedu t-trasparenza, qegħdin jipproteġu wkoll lill-membri tal-Korp. Fatturi li fi kliem il-Ministru ħallew ir-riżultati fost iċ-ċittadini tagħna u fi sfond ta' pajjiż li żviluppa u kiber ekonomikament, xorta waħda naqset ir-rata ta' kriminalità. Dan fost suċċessi oħra tal-Korp fl-aħħar snin, bħal dik li mmarkat mija fil-mija, ir-rata ta' omiċidji solvuta. B'din hija xhieda oħra tal-ħila tal-uffiċjali tagħna u l-investiment fl-għodda meħtieġa.
Ikkonkluda għalhekk, li issa jmiss il-pass li jmiss, u l-istrateġija mħabbra llum ser tiggwida din il-ħidma għaż-żmien li ġej. Strateġija b'75 impenn.
Il-Kummissarju Angelo Gafà spjega li "Safer Communities, Smarter Policing mhix sempliċiment dokument stampat. Hija wegħda lill-poplu Malti u Għawdxi, li se nkomplu noffru servizz aktar sigur, kontabbli u relevanti. U jekk il-passat huwa l-garanzija tal-futur, allura Safer Communities, Smarter Policing għandu jagħti serħan il-moħħ liċ-ċittadini tagħna li l-Korp tal-Pulizija għandu viżjoni ċara u pjan konkret għall-ħames snin oħra li ġejjin. Fiduċjuż li flimkien, bħala Korp wieħed u komunità waħda, fil-ħames snin li ġejjin ser inkomplu nibnu Malta aktar sigura permezz ta' prattiċi innovattivi. Għalhekk flimkien ser inkunu qed nikkontribwixxu għal Safer Communities, Smarter Policing."
Ic-Chairman tal-Bord tal-Governanza tal-Korp tal-Pulizija, il-Professur Saviour Formosa, spjega li dan il-pass huwa riżultat ta' 10 snin ta' progress kontinwu f'riforma ta' entità li għandha iżjed minn 200 sena, li llum hija moderna, teknoloġika u qrib aktar tan-nies. Bil-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija żdiedet filwaqt li saret aktar professjonali u mħarrġa kif juru r-riżultati fin-numru ta' każijiet ta' kriminalità solvuti abbażi tal-intelligence-led policing.