Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

09/30/2025 | Press release | Distributed by Public on 10/01/2025 02:35

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU “M’għandna qatt ninsew l-esperjenzi umani wara d-deċiżjonijiet li nieħdu”[...]


"Ix-xogħol tagħna fil-Kunsill tal-Ewropa jolqot il-ħajjiet ta' individwi, familji, u nazzjonijiet sħaħ - m'għandna qatt ninsew l-esperjenzi umani wara d-deċiżjonijiet li nieħdu." Il-Ħamis waranofsinhar, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, ħeġġeġ lill-parlamentari tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) biex ikunu "d-dawl b'saħħtu ta' tama u umanità, li jiddi fuq it-triq lejn ġustizzja llum u lejn futur ta' paċi, u dinjituż, għall-ġejjieni."​

Fi Strażburgu, huwa kien qed jindirizza s-Sessjoni tal-Ħarifa tal-Assemblea, fil-kariga tiegħu bħala l-President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, biex jagħti rendikont tax-xogħol tal-Kumitat f'dawn l-aħħar xhur, mill-aħħar darba li indirizzahom fis-Sessjoni tar-Rebbiegħa f'Ġunju, ftit wara li Malta bdiet is-sitt xhur tal-Presidenza ta' din l-organizzazzjoni.

Dr Borg appella għall-għaqda u l-fiduċja fost il-membri tal-Kunsill, hekk kif saħaq li "m'għandniex inħallu d-differenzi jifirduna. Iżda, ejjew minflok nersqu lejn djalogu li jgħinna nimxu 'l quddiem flimkien."

"Il-Presidenza ta' Malta hija msejsa fuq dan il-prinċipju - li r-rilevanza toħroġ minn kemm kapaċi nirreaġixxu, b'ħidmiet mibnija fuq djalogu miftuħ, li nisimgħu lil xulxin, u li nifhmu l-kuntest li fih qed noperaw," żied jgħid.

Id-Deputat Prim Ministru fakkar fil-mument storiku waqt il-Presidenza Maltija f'Ġunju, meta l-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy żar il-Kunsill tal-Ewropa biex jiffirma ftehim bilaterali li stabbilixxa t-Tribunal Speċjali għar-Reat ta' Agressjoni kontra l-Ukrajna. "Dan wera li l-politika tista' twassal għall-ġustizzja, li l-kontabbiltà hija possibbli, u li ħadd mhu 'l fuq mil-liġi," hu tenna.

Dr Borg tkellem ukoll dwar il-kriżi umanitarja f'Gaża, hekk kif il-poplu Palestinjan qed jaffaċċja ġuħ u sfidi oħra. Filwaqt li fakkar fit-tbatija tal-ostaġġi tal-attakki terroristiċi tal-Hamas f'Ottubru 2023, huwa enfasizza li l-liġi internazzjonali titlob moderazzjoni u proporzjonalità minn dawk kollha involuti, "mhux bħala suġġeriment, iżda sabiex tissalvagwardja l-ħajja ta' dawk milqutà."

"Qatt ma nistgħu nieqfu niffukaw fuq it-tbatija li qed jgħaddu minnha t-tfal f'dan il-kunflitt. Eluf ta' tfal innoċenti, li suppost qegħdin jilagħbu u jidħku bla biża', iżda minflok qed iġorru feriti ta' telfien, trawma u ġuħ estrem li ebda tifel jew tifla m'għandhom ibatu," qal Dr Borg.

Id-diskors tiegħu enfasizza wkoll il-ħtieġa urġenti li jiġu mħarsa l-ġurnalisti f'Gaża. Fakkar li "dawk il-vuċijiet kuraġġużi li jirriskjaw kollox biex iżommuna infurmati u jikxfu l-verità, qed jinqatlu b'rata xokkanti."

B'referenza għall-programm u l-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija, Dr Borg semma l-ewwel Konferenza Ministerjali Informali dwar il-Protezzjoni tat-Tfal, li saret f'Lulju fil-Belt Valletta, fejn il-Ministri adottaw b'mod unanimu Dikjarazzjoni Politika biex isaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali għall-ħarsien tat-tfal, speċjalment fl-isfond tad-dinja diġitali tal-lum.

F'Settembru, il-Ministri tal-Ġustizzja tal-Kunsill tal-Ewropa ltaqgħu wkoll f'Malta, fejn qablu dwar Dikjarazzjoni Politika li tistabbilixxi pjan għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, dawk li jaħdmu fihom, u l-isforzi kollaborattivi tagħhom, fis-snin li ġejjin.

Id-Deputat Prim Ministru Malti tkellem ukoll dwar il-Konferenza ta' Livell Għoli dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza demokratika kontra d-diżinformazzjoni, li saret f'Malta x-xahar li għadda. "Li jkollna mezzi tal-media liberi, indipendenti u responsabbli hija l-ewwel linja ta' difiża biex tinkixef l-informazzjoni falza, biex dawk fil-poter jinżammu responsabbli, u biex jinfurmaw liċ-ċittadini b'integrità. Irridu ngħinu lin-nies, speċjalment liż-żgħażagħ, bl-għodod biex ikunu jistgħu janalizzaw l-informazzjoni b'mod kritiku u jipparteċipaw b'mod attiv biex insawru kultura demokratika mibnija fuq il-verità u l-kontabbiltà," hu spjega.

B'ħarsa 'l quddiem, Dr Borg semma l-Konferenza tal-Ministri responsabbli għaż-żgħażagħ, li se ssir il-ġimgħa d-dieħla f'Malta. Din se taħdem biex tadotta Qafas ta' Riferiment dwar l-integrazzjoni tal-perspettivi taż-żgħażagħ, li jpoġġi liż-żgħażagħ fiċ-ċentru tad-demokrazija Ewropea.

"Id-demokrazija tiffjorixxi meta ħadd ma jaqa' lura. Progress veru jfisser li n-nisa jingħataw il-post tagħhom fiċ-ċentru tal-ħajja politika, fejn jistgħu jifformaw il-politika bit-tmexxija, l-għarfien u l-qawwa tagħhom. Iż-żgħażagħ ukoll iridu jingħataw il-poter biex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet li se jiffurmaw il-futur tagħhom, għaliex tmexxija inklussiva tibda billi tissaħħaħ kull ġenerazzjoni," żied jgħid.

It-Tlieta filgħaxija, id-Deputat Prim Ministru ngħaqad mal-President ta' Malta, Myriam Spiteri Debono, ir-Rappreżentanta Permanenti ta' Malta għall-Kunsill tal-Ewropa, Francesca Camilleri Vettiger, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Alain Berset, u l-President tal-PACE, Theodoros Rousopoulos, fost mistednin distinti oħra, f'attività li tfakkar il-jum nazzjonali ta' Malta. Din is-serata, li ttellgħet mir-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta għall-Kunsill tal-Ewropa bħala parti mill-programm kulturali tal-Presidenza ta' Malta, ippreżentat ċelebrazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali mill-isbaħ tal-festi Maltin.

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on September 30, 2025, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on October 01, 2025 at 08:36 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]