01/25/2026 | Press release | Distributed by Public on 01/26/2026 04:01
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li l-Ministeru nieda Skema ta' rifużjoni ta' spejjeż ta' Akkomodazzjoni ta' Emerġenza bil-għan li joffri għajnuna finanzjarja lir-residenti affettwati li kellhom iqattgħu lejl jew aktar Malta minħabba s-sospensjoni tas-servizz tal-Gozo Channel bejn Għawdex u Malta fid-19 u l-20 ta' Jannar 2026 kawża tal-maltemp.
L-iskema hija maħsuba biex toffri għajnuna parzjali għall-ispejjeż tal-akkomodazzjoni f'lukandi, hostels jew stabbilimenti liċenzjati.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li kawża tal-maltemp diversi residenti Għawdxin sabu ruħhom maqbuda Malta u ma setgħux jirritornaw lejn djarhom. Din is-sitwazzjoni straordinarja kkawżat inkonvenjent u spejjeż mhux mistennija għal bosta familji u individwi. Għalhekk spjega li "l-prijorità tagħna hi li niżguraw li l-ebda resident Għawdxi ma jġorr piż finanzjarju minħabba ċirkostanzi li mhumiex fil-kontroll tiegħu. Din l-iskema tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jkun hemm għall-Għawdxin."
L-applikazzjonijiet isiru online permezz tas-sit https://mygozo.gov.mt/?form=emergency_accomodation_scheme jew permezz tal-app MyGozo App. L-applikanti huma meħtieġa jipprovdu Karta tal-Identità valida li turi Għawdex bħala r-residenza primarja, kif ukoll riċevuti uffiċjali tal-akkomodazzjoni li juru l-isem tal-istabbiliment, id-dati u l-ammont totali mħallas.
Il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar jibqa' kommess li jħares il-ħtiġijiet tar-residenti Għawdxin u li jintervjeni f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali bħal dawn.