Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta

01/31/2026 | Press release | Distributed by Public on 02/01/2026 02:59

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Żjara mis-Segretarju tal-Istat tas-Santa Sede


L-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta' Malta, laqgħet lis-Segretarju tal-Istat tas-Santa Sede, il-Kardinal Pietro Parolin, għal laqgħa ta' korteżija fil-Palazz ta' Sant'Anton.

Il-Kardinal Parolin wassal is-sliem u l-awguri tal-Papa Ljun XIV u nnota b'sodisfazzjon il-koperazzjoni eċċellenti bejn iż-żewġ naħat fuq diversi livelli. Huwa faħħar ukoll ir-rwol ta' Malta fix-xena multilaterali u l-impenn tagħha favur il-paċi, il-ġustizzja u s-saltna tad-dritt.

Matul il-laqgħa ġiet diskussa s-sitwazzjoni internazzjonali, inklużi l-kunflitti kurrenti u l-isfidi globali, b'enfasi fuq l-prinċipji tal-fratellanza, id-djalogu u r-riforma tas-sistemi multilaterali, fosthom in-Nazzjonijiet Uniti.

Min-naħa tagħha, l-Eċċellenza Tagħha qalet kif Malta ser tibqa' impenjata li tħares lejn il-kawżi ewlenin tal-kunflitti filwaqt li tkompli taħdem favur il-paċi u r-responsabbiltà lejn il-komunità internazzjonali.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, enfasizza l-impenn fit-tul ta' Malta favur is-sistema multilaterali, filwaqt li rrikonoxxa l-bżonn ta' riforma u approċċ pragmatiku fid-dawl tar-realtajiet globali ġodda. Huwa tenna li l-politika barranija ta' Malta tibqa' mmirata lejn it-tisħiħ tad-djalogu, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-promozzjoni tal-paċi.

Iż-żewġ naħat qablu li minkejja d-diffikultajiet globali, hemm bżonn ta' impenn kontinwu favur il-ġid komunitarju, il-paċi u r-responsabbiltà kollettiva.

Preżenti wkoll għal-laqgħa kien hemm l-Ambaxxatur ta' Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit.


​​​

Ministry for the Economy, Enterprise and Strategic Projects of the Republic of Malta published this content on January 31, 2026, and is solely responsible for the information contained herein. Distributed via Public Technologies (PUBT), unedited and unaltered, on February 01, 2026 at 08:59 UTC. If you believe the information included in the content is inaccurate or outdated and requires editing or removal, please contact us at [email protected]