04/13/2026 | Press release | Distributed by Public on 04/14/2026 08:05
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, iltaqa' mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Johann Wadephul, waqt żjara uffiċjali f'Berlin din il-ġimgħa.
Fuq livell bilaterali, id-Deputat Prim Ministru reġa' afferma l-importanza ta' relazzjonijiet mill-qrib u kostruttivi bejn Malta u l-Ġermanja. Iż-żewġ naħat qablu li jsaħħu l-kooperazzjoni bilaterali u l-impenn konġunt fi ħdan l-Unjoni Ewropea dwar prijoritajiet komuni.
Fil-laqgħat tiegħu, id-Deputat Prim Ministru enfasizza l-importanza li tingħata prijorità lill-kompetittività u li jiġi żgurat livell ta' kompetizzjoni ġust, b'mod partikolari f'setturi bħas-servizzi marittimi u s-sigurtà; it-turiżmu, il-konnettività; kif ukoll is-sigurtà tal-enerġija.
Fuq livell internazzjonali, il-gwerra fl-Iran u l-istabbiltà fir-reġjun usa', kif ukoll il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna, kienu temi prominenti, b'Malta terġa' ttenni l-appoġġ sod tagħha lejn l-Ukrajna filwaqt li tisħaq dwar in-newtralità kostituzzjonali tagħha.
"L-Ewropa tinsab f'mument kruċjali. Il-gwerra Russa fl-Ukrajna qed tkompli jkollha implikazzjonijiet wiesgħa fuq l-Ewropa, filwaqt li l-instabbiltà fil-Lvant Nofsani qed tpoġġi pressjoni addizzjonali fuq is-sigurtà tal-enerġija u l-istabbiltà ekonomika. F'dan il-kuntest, huwa essenzjali li nsaħħu l-proġett Ewropew, insaħħu l-għaqda fost l-Istati Membri, u niżguraw li l-Unjoni tagħna tkompli twassal riżultati tanġibbli għaċ-ċittadini tagħha," qal Dr Borg.
Id-Deputat Prim Ministru enfasizza wkoll l-impenn attiv ta' Malta fuq livell multilaterali, inkluż permezz tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, l-ospitar tal-Laqgħa għall-Paċi fl-Ukrajna, l-OSCE, u fil-Kunsill tal-Ewropa.
Sfidi ġeopolitiċi usa' ġew ukoll diskussi, inkluż is-sitwazzjoni fil-bqija tal-Lvant Nofsani, il-Libja, u l-migrazzjoni - b'Malta tkompli tappella għad-djalogu, aċċess umanitarju, u impenn aktar b'saħħtu tal-UE.
Matul iż-żjara, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu kellu wkoll laqgħat ma' membri tal-Bundestag Ġermaniż, figuri politiċi għolja, u rappreżentanti ewlenin tal-industrija Ġermaniża.
"Malta tibqa' impenjata li ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mal-Ġermanja u tikkontribwixxi b'mod attiv għal Ewropa aktar magħquda," temm jgħid Dr Borg.