Ippreżentat ftehim lit-tliet proġetti magħżula mis-sejħiet ta' qabel
L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma għadha kif nediet is-seba' sejħa għall-Iskema għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, b'investiment ta' €400,000 allokat għall-proġetti li jkunu qed jindirizzaw sfidi nazzjonali fis-setturi kemm tal-enerġija kif ukoll tal-ilma.
Is-sejħa ġiet imnedija waqt konferenza mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti. Waqt il-konferenza, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma ppreżentat ftehim lit-tliet proġetti li ġew magħżula fil-ħames sejħa tal-iskema.
Il-Ministru Miriam Dalli faħħret din l-inizjattiva u stqarret li permezz ta' din l-iskema qed tinġieb bidla fis-settur tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, b'mod partikolari fl-enerġija u fl-ilma, billi jiġi allokat investiment fir-riċerka akkademika, waqt li tinkoraġġixxi iktar parteċipazzjoni kemm minn organizzazzjonijiet pubbliċi u privati biex ikunu ta' sapport fir-riċerka. "Permezz tar-riċerka, din l-iskema qed tgħin biex tiddefinixxi futur iktar aħdar u sostenibbli. Billi tinvesti fl-innovazzjoni u tiġbor flimkien l-akkademja, is-settur pubbliku kif ukoll organizzazzjonijiet privati, qed inħeġġu soluzzjonijiet prattiċi għal sfidi li Malta qed tiffaċċja fl-enerġija u fl-ilma," saħqet il-Ministru Dalli.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal, "Dak li qed naraw illum huwa eżempju tajjeb ta kif il-Gvern, l-akkademja, kif ukoll is-settur privat jaħdem id f'id biex fl-aħħar mill-aħħar nilħqu l-għanjiet nazzjonali. Billi namalgamaw il-viżjonijiet fit-tul ta' Malta ma' strateġija b'riċerka ffukata, waqt li qed insarrfu l-investiment f'soluzzjonijiet prattiċi li jibnu reżiljenza li għandna bżonn għall-futur. Dan l-impenn jiżgura li l-ebda settur mhu ħa jitħalla barra, u dan għax qed nindirizzaw firxa ta' temi fil-qasam biex intejbu l-kwalità tal-ħajja għall-poplu kollu."
Taħt is-seba' sejħa, il-fondi se jkunu applikabbli fuq proġetti li jkunu qed jiffukaw fuq brine mining għal sistemi ta' desalinizazzjoni tal-ilma baħar fuq skala żgħira, sistemi ta' water discharge fuq skala żgħira, low-energy package desalination systems, desalinizazzjoni mobbli b'enerġija solari għall-ilma salmastru (brackish water), l-istabbiltà u t-tħaddim ta' sistemi ta' enerġija b'inerzja baxxa, proġetti pilota ta' enerġija rinnovabbli, u l-użu ta' AI predittiva għall-immaniġġjar tal-enerġija fis-settur kummerċjali.
Kull proġett jista' jitlob sa massimu ta' €200,000 u għandu jiġi sottomess minn konsorzju. L-applikazzjonijiet jiftħu fid-29 ta' April 2026 u jagħlqu fl-4 ta' Settembru 2026.
L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma ppreżentat il-ftehim tal-għotja lit-tliet proġetti ppremjati taħt il-ħames sejħa. Dawn huma NUMS, b'investiment ta' €184,510, li se jaħdem fuq sistema ta' irrigazzjoni intelliġenti, immaniġġjar tan-nutrijenti bl-użu tal-internet of things, intelliġenza artifiċjali u machine learning. Il-proġett LINSOL, b'investiment ta' €182,681 se jkun qed jiffoka fuq it-titjib tas-sistemi tat-tisħin tal-ilma f'residenzi tradizzjonali Maltin, fejn il-bojlers tal-ilma għat-tisħin li jaħdmu bl-elettriku baqgħu fost is-sistemi l-inqas effiċjenti. Il-proġett LIKESODA, b'investiment ta' €199,985, se jiżviluppa prototip ta' pakkett ta' batterija sodium-ion li se jiġi ttestjat f'ambjent realistiku - l-ewwel wieħed għal Malta.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Inġ. Sandro Lauri, qal li l-Aġenzija tibqa' impenjata li tappoġġja l-Iskema ta' Riċerka u Innovazzjoni, filwaqt li tħeġġeġ kollaborazzjoni akbar bejn riċerkaturi, akkademiċi u organizzazzjonijiet pubbliċi u privati. "L-Aġenzija tibqa' ddedikata biex tgħaqqad flimkien partijiet interessati minn setturi differenti sabiex jiġu indirizzati l-isfidi fis-setturi tal-enerġija u tal-ilma, fil-kuntest lokali," qal Inġ. Lauri.
Sa mit-tnedija tagħha, l-Iskema R&I allokat €2.63 miljun għal 18-il proġett fuq ħames sejħiet, li jkopru 21 qasam tematiku relatat mal-ħtiġijiet ta' Malta fl-enerġija u l-ilma. Il-proġetti appoġġjati s'issa inkludew ħidma fuq it-tnaqqis tal-leakages, l-effiċjenza tal-ilma, l-enerġija rinnovabbli, il-potenzjal tal-enerġija offshore, ir-riutilizzazzjoni tal-batteriji tal-vetturi elettriċi u soluzzjonijiet innovattivi tal-enerġija fid-djar.
Aktar informazzjoni, inklużi r-regoli tal-parteċipazzjoni għas-seba' sejħa, jistgħu jinstabu fuq is-sit Energy and Water Agency.